Lokali Qorti

Mixli bi ksur ta’ erba’ settijiet ta’ ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 30 sena, Ans Ghodban, Ungeriż residenti l-Gżira, tressaq il-qorti akkużat li kiser erba’ settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest. Huwa kien arrestat nhar il-Ħamis wara nofsinhar f’dar fil-Ħamrun, wara li l-pulizija rċevew informazzjoni anonima li kien qed jippjana li jaħrab minn Malta.

L-Ispettur Wayne Camilleri spjega li l-akkużat ma kienx iffirma fl-għassa tal-Pulizija mill-29 ta’ Lulju u ma attendiex għal tliet seduti tal-qorti. Barra minn hekk, kien ukoll ma joqgħodx fl-indirizz li kien ta lill-qorti meta ngħata l-ħelsien proviżorju.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, Ghodban wieġeb mhux ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien proviżorju li ngħata f’Diċembru 2023, Mejju 2024, Jannar u Lulju 2025. Huwa nstema’ jgħid lill-investigaturi li ma ffirmax il-ktejjeb minħabba li kien ma jiflaħx.

L-avukat tiegħu, José Herrera, talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, tenfasizza l-fatt li l-akkużat kien akkużat li kiser mhux sett wieħed iżda erba’ settijiet ta’ kundizzjonijiet, u li kien diffiċli biex jiġi rintraċċat, bl-akkużat jinżamm arrestat.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Eman Hayman, filwaqt li għall-akkużat dehru l-avukati José Herrera, Matthew Xuereb u Naomi Spiteri. Ghodban għandu passat kriminali mhux żgħir. Fl-2023, huwa kien akkużat flimkien ma’ raġel ieħor b’tentattiv ta’ omiċidju u li kkawża ġrieħi gravi f’argument f’Marsaskala.

Sena wara, ġie akkużat b’serq minn diversi ħwienet u anke li, flimkien ma’ żewġ nisa oħra, seraq minn ħanut f’Tas-Sliema u ta daqqa lill-assistent tal-ħanut.