minn Joe M. Zahra
L-introduzzjoni ta’ linji tal-ajru ‘low cost’ turi kemm dejjem kien jara bil-quddiem il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Għaliex li kieku ma kienx għal-linji tal-ajru ‘low cost’ kieku pajjiżna mhux talli ma kienx ikollu tkabbir fit-turiżmu iżda kien imur lura. Infatti dawk kienu s-sinjali.
Minħabba nuqqas ta’ rotot u prezzijiet, li għal ħafna ma kinux kompetittivi, konna bdejna niġġamjaw. Appena bdew joperaw il-linji tal-ajru ‘low cost’ il-folja nqalbet. It-turisti bdew ġejjin. In-numri żdiedu u magħhom id-dħul għall-pajjiż.
Rotot ma’ kullimkien
Bħala gżira pajjiżna għandu bżonn rotot tal-ajru ma’ kullimkien. Għandu bżonn kumpaniji tal-ajru li permezz tagħhom nilħqu kull rokna tal-Ewropa u permezz tal-‘hubs’ Ewropej nilħqu kull parti tad-dinja. KM Malta Airlines, il-kumpanija nazzjonali tal-ajru tagħna, għalkemm nixtiqulha kull suċċess ma tistax tagħtina dan kollu. Għalhekk joperaw minn u għal pajjiżna numru ta’ linji tal-ajru ‘legacy’ bħall-British Airways, ITA Airways, Turkish Airways u Emirates, numru ta’ titjiriet ‘chartered’ u l-kumpaniji ‘low cost’ li kibru u żdiedu.
Uffiċċju ġdid għal Ryanair
Fl-4 ta’ Settembru, Ryanair inawgurat uffiċċju f’Tal-Pietà. Għall-inawgurazzjoni kien preżenti l-Prim Ministru Robert Abela u żewġ ministri. Robert Abela f’diskors li għamel tgħidx kemm faħħar lil Ryanair, l-impjiegi li qed toħloq f’pajjiżna, il-proġett tal-manutenzjoni li nedew f’pajjiżna. Hekk għandu jkun iżda milli jidher nesa għalkollox x’kien l-atteġjament tal-partit tiegħu lejn din il-linja tal-ajru, li llum għandha tmien ajruplani bażati f’pajjiżna b’ieħor li se jiżdied. Li hija responsabbli għal nofs il-passiġġieri li jżuru pajjiżna.
Iżda l-Labour dejjem hekk kien. Ma jarawx aktar ’il bogħod mill-ponta ta’ mneħirhom. Hekk għamlu meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea u fiz-zona ewro. Hekk għamlu meta nbena l-parlament il-ġdid u d-daħla tal-belt kapitali nbidlet mil-lejl għan-nhar. Hekk għamlu meta twettqu diversi proġetti kapitali oħrajn. Dawn illum jippruvaw inessu li kienu twettqu minn Gvernijiet Nazzjonalisti u jippruvaw inessu dan kollu.
Illum il-kumpaniji tal-ajru ‘low cost’ huma responsabbli għall-parti l-kbira tal-passiġġieri li jiġu f’pajjiżna. Qabżu fil-wisa’ l-‘legacy airlines’. Studju tal-Bank Ċentrali sab li fl-2024 Ryanair kellha 26,312 titjira jew 47.1% tat-titjiriet kollha bl-iskeda.
Il-linja tal-ajru nazzjonali KM Malta Airlines ġiet warajha bi 13,072 titjira jew 23.4% tat-titjiriet kollha, in-nofs ta’ Ryanair. Fit-tielet u r-raba’ post kien hemm żewġ linji tal-ajru oħra ‘low cost’, EasyJet b’5% tat-titjiriet u Wizz Air b’4%.
Malta llum għandha konnessjoni ma’ 109 ajruport f’35 pajjiż. Iż-żieda fil-passiġġieri li s-sena l-oħra kienu jikkonsistu f’4,481,386 passiġġier li waslu Malta u 4,476,005 li telqu hija fil-parti l-kbira magħmula minn viżitaturi li żaruna permezz ta’ linji tal-ajru ‘low cost’.
Għalkemm il-kumpaniji tal-ajru ‘low cost’ kienu l-ispinta wara ż-żieda qawwija fit-turiżmu ma nemminx li xi kumpanija waħda għandu jkollha dominanza fuq is-settur turistiku ta’ pajjiżna. Dan ma jkunx ta’ ġid għall-pajjiż. It-turisti ma ssafrilhomx u jiġu. Is-settur jinvolvi infrastruttura għalih u infrastruttura nazzjonali li mingħajrha l-pajjiż ma jkunx attraenti ma’ min jiġi jżurna.
Taħt Gvern Laburista kellna ‘air terminal’ tat-tielet dinja, bil-bagalji jinġarru minn ‘tractors’ li jdaħħnu u jnittnu t-‘terminal’. U jifga’ lill-ħaddiema u l-passiġġieri! Gvern Nazzjonalista bena l-‘air terminal’ ġdid fi żmien rekord. Dan poġġiena ma’ ‘air terminals’ oħra ta’ pajjiżi żviluppati. Dan l-‘air terminal’ li Gvern Nazzjonalista għadda f’idejn il-privat baqa’ dejjem jespandi u jikber. Żamm il-livell tiegħu, anzi tejjbu. Hekk isiru l-affarijiet u mhux bit-tlaqqit.
Kwalità flok kwantità
Meta l-Gvern Nazzjonalista beda jaħseb biex immorru għall-kwalità minflok nibqgħu fuq it-turiżmu tal-massa, beda jinkoraġġixxi l-bini ta’ lukandi tal-ħames stilel. Dawn inbnew u bdejna nattiraw lejn pajjiżna konferenzi kbar li jħallu ħafna flus. Ftaħna niċeċ oħra ta’ turiżmu li jħarsu lejn il-kwalità.
Fit-turiżmu, bħal f’kull settur ieħor, trid tippjana. Trid taħseb ’il bogħod. Dak huwa li dejjem għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti.
Il-Gvernijiet Laburisti dejjem marru għat-turiżmu tal-massa. Għamluh bejn l-1971 u l-1987. Għamlu l-istess fl-aħħar tnax-il sena. Pajjiż żgħir bħal tagħna m’għandux ikompli jibbaża fuq il-massa bi skapitu tal-kwalità. Bit-turiżmu tal-kwalità jkollna inqas problemi u fl-istess waqt iktar dħul. Dan irid isir filwaqt li jkollna rotot ġodda, kumpaniji tal-ajru li qabel ma kinux jużaw lil Malta. U kwalità f’kollox minflok il-kwantità!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa, 26 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>