Raġel ta’ 49 sena, li l-professjoni tiegħu hija dik ta’ “technician”, ammetta l-akkużi li hedded lil missieru ta’ 79 sena, billi qallu li kien se jdaħħallu sikkina f’għonqu. L-anzjan mar għand it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika biex jirrapporta lil ibnu, li hu magħruf bħala alkoħoliku.
L-Ispettur Christian Cauchi spjega li l-ġlieda kienet bdiet minn tilwima dwar kif xi flus kienu qed jingħataw lil terzi persuni, u f’dik il-kuntest l-akkużat insulta u hedded lill-missieru, u anke allegatament qabad sikkina u hedded li jużaha kontrih.
Quddiem il-Qorti, l-akkużat wieġeb ħati. Il-Maġistrat Nadine Sant Lia imponiet kontrih ordni ta’ probation għal tliet snin, flimkien ma’ ordni ta’ trattament ukoll ta’ tliet snin, u ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għall-istess perjodu favur il-missier.
Il-każ kien immexxi mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-avukati Michael Sciriha u Roberto Spiteri dehru għall-akkużat.
//= $special ?>