Lokali

Rekord ieħor ta’ dejn għal Robert Abela u Clyde Caruana – PN

Minkejja t-twissijiet tal-konsulenti tal-Gvern stess dwar il-qagħda finanzjarja, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri ta’ qablu kollha f’daqqa

Fi stqarrija ffirmata minn Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia ġie diskuss l-fatt kif id-dejn ta’ pajjiżna kompla għaddej bir-rankatura ’l fuq u qed ikompli jilħaq rekords ġodda, rekords li ċertament pajjiżna m’għandux biex jiftaħar bihom, anzi jfissru biss inċertezza għall-futur immedjat u piż fuq uliedna u wlied uliedna.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) illum reġa’ ppubblika l-aħħar ċifri tal-finanzi tal-gvern – għall-perjodu bejn Jannar u Awwissu 2025 – u għal darba oħra dawn jixegħlu bozza ħamra fuq il-finanzi tal-pajjiż. Dan hekk kif id-dejn issa laħaq il-livell ta’ €11,138 miljun. 

Barra minn hekk, l-istess ċifri tal-NSO juru li anke l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern kompla jiżdied b’mod qawwi meta mqabbel mal-istess perjodu sena ilu, u issa jinsab fil-livell ta’ €203 miljuni. B’hekk il-Gvern riesaq lejn budget ieħor mgħobbi bl-Excessive Deficit Procedure tal-Unjoni Ewropea, li tfisser li pajjiżi b’qagħda finanzjarja mwiegħra jintalbu jikkoreġu l-kors tagħhom fis-snin li ġejjin. Dan minkejja li f’April li għadda, il-Ministru tal-Finanzi kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura kmieni.

Dan il-livell ta’ dejn ifisser li l-Gvern ta’ Robert Abela, f’sena waħda biss, irnexxielu joħloq €1.1 biljun f’dejn ġdid, ekwivalenti għal kważi €3 miljun dejn kuljum. Ifisser ukoll li kemm ilu sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.

Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Minn Jannar sa Awwissu, l-imgħax li ħallasna fuq id-dejn qabeż il-€192 miljun, li jfisser żieda ta’ aktar minn €19-il miljun meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Din iż-żieda fid-dejn tkompli tasal minkejja li fl-aħħar xhur, bosta entitajiet, inkluż il-Kunsill Konsultattiv Fiskali, li jagħti pariri lill-Gvern dwar il-qagħda finanzjarja, wissewh li dan il-livell ta’ dejn mhux sostenibbli.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem appoġġja investiment akbar li jsolvi l-probemi ewlenin ta’ pajjiżna, fosthom l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, il-listi ta’ stennija ma jispiċċaw qatt fl-isptarijiet, u n-nuqqas ta’ għalliema u LSEs fost oħrajn. Iżda filwaqt li dawn il-problemi ġew injorati minn Robert Abela, intefqu miljuni fuq miljuni biex ġew akkomodati nies tal-qalba, bl-aktar skandlu riċenti, dak tal-Fortina, jitfa’ dawl fuq kif il-Gvern ma jiddejjaq xejn jarmi flus il-poplu biex jaġevola lil tal-qalba.