Internazzjonali

Renju Unit: Keir Starmer jintroduċi skema ġdida għal ID diġitali….fost ir-reazzjonijiet imħalltin

Il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, ikkonferma l-pjani dwar skema ġdida għal ID diġitali bil-ħsieb li jonqos ix-xogħol illegali fir-Renju Unit.

Starmer, waqt li indirizza konferenza f’Londra, spjega li n-nies mhumiex se jkunu jistgħu jaħdmu fir-Renju Unit mingħajr dan l-ID diġitali u li l-iskema hi intiża wkoll biex taċċerta u żżid il-livelli tas-sigurtà mal-fruntiera.

Il-Prim Ministru saħaq li numru ta’ politiċi progressivi kienu qed jiddejqu jindirizzaw il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali huma u joħorġu l-istqarrijiet li, skont Starmer, ma jirriflettux ir-realtà.

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Konservattivi fl-Oppożizzjoni, Kemi Badenoch, fissret din l-iskema bħala ‘gimmick’ iddisprat, waqt li l-Partit Liberali Demokratiku, li hu t-tielet l-akbar entità politika fil-pajjiż, qed jinkwieta li l-iskema għandha ġġiegħel lin-nies jissottomettu d-data personali u privata lill-awtoritajiet.