Replay se jkun qed jerġa’ jifforma parti integrali mil-iskeda tal-ħarifa ta’ Net Television, iżda wara 25 sena ta’ xandir, fejn Replay tal-Ħadd kien jixxandar filgħaxija, wara l-aħbarijiet tas-7:30pm u jibqa’ għaddej bl-analiżi u d-diskussjoni sa tard filgħaxija, minn dan l-istaġun se jinbidel kollox.
“Wara li kkonsidrajna kollox, u tajna attenzjoni ta’ x’qed jistennew il-partitarji tal-futbol Malti minn programm televiżiv tal-futbol, ħadna d-deċiżjoni li nagħmlu bidla importanti, u li għall-ewwel taf taħsad lil bosta. Replay se jkun qed jibqa’ jixxandar nhar ta’ Ħadd, iżda se jibda fis-6:10pm,” ħabbar Christian Micallef, producer eżekuttiv u preżentatur ta’ Replay.
Micallef spjega li wara 25 sena din kienet deċiżjoni diffiċli, iżda jekk iridu nibqgħu inkabbru u nġeddu programm bħal Replay, jeħtieġ li nieħdu l-aktar deċiżjonijiet li jwasslu għal bidliet drastiċi fid-dehra u l-kontenut ta’ kif nafu lil Replay nhar ta’ Ħadd.
Fl-2025, l-udjenza sportiva, trid programm sportiv li jwassal l-aħbar u joffri immedjatezza, kemm jekk hu riżultat ta’ partita, viżwal ta’ gowl u jsegwi l-ewwel kummenti, possibilment f’xandira diretta, tal-protagonisti, fit-tmiem ta’ partita.
“Jekk tassew iridu nibqgħu l-aqwa f’dak li noffru bħala servizz sportiv, f’dan il-każ ir-rappurtaġġ tal-futbol lokali u internazzjonali, ma nistgħux inxandru aħbar u riżultat, jew nuru filmati minn partita, siegħa jew sagħtejn wara li jkunu seħħew, iżda istantanjament. Għalhekk qed nagħmlu din il-bidla fil-ħin,” spjega Micallef.
Replay se jżomm il-qafas u l-istil tad-diskussjoini, li tant hu magħruf għaliha, iżda f’programm mexxej u varat, kull nhar ta’ Ħadd se nkunu qed inwasslu l-aħħar aġġornamenti, b’kollegamenti diretti mill-istadiums ewlenin f’Malta u Għawdex, kif ukoll lenti fuq il-Kampjonati ewlenin fl-Ewropa.
“Se nibdew fis-6:10pm u nibqgħu għaddejin sas-7:20pm għall-waqfa ta’ Net News. Wara l-aħbarijiet, nerġgħu nkomplu l-aħħar parti tal-programm, bl-aħħar 40 minuta ta’ aġġornamenti, riżultati, filmati u intervisti, mit-8:15pm sad-8:55pm. Il-ħin se jitwal, u dan se jagħtina opportunità li nwessgħu l-għażliet tagħna fil-kontenut li se nkunu qed inwasslu minn ġimgħa għall-oħra,” kompla jgħid Micallef.
B’din il-bidla fil-format, b’diversi mistiedna fl-istudio u oħrajn li jintervjenu waqt il-programm b’kollegamenti awdjo-viżivi, Replay se jkompli jippożizzjoni ruħu bħala l-għażla naturali u numru wieħed għad-dilettanti tal-futbol Malti u internazzjonali.
Il-moħħ wara din il-bidla, li se tkun qed tara lil Replay iwassal kontenut aktar immedjat u dinamiku minn qatt qabel, hu Micallef. Il-personalitá u l-istil fil-presentazzjoni ta’ Micallef, żidet il-popolaritá ta’ Replay f’dawn l-aħħar snin, iżda mhux biss.
Fis-26 sena ta’ Replay fuq Net Television, it-tim ta’ Replay se jkompli jara s-sehem ta’ Konrad Sultana bħala mistieden residenti, u l-parteċipazzjoni aktar frekwenti tal-eks kowċ nazzjonali Malti, Pippo Psaila fost il-mistiedna.
“Il-kombinazzjoni ta’ aġġornamenti diretti, diskussjoni dwar il-punti ewlenin immedjati, u diskussjoni minn esperti fis-suġġett, tiżgura li l-partitarji se jkunu eqreb tal-logħba minn qatt qabel. Ninsab kburi li qed inkompli nara lil Replay ikompli jevolvi u jikber sena wara l-oħra. Din hija l-akbar konferma li Replay hu programm ħaj u tal-partitarji tal-futbol,” qal Sultana, eks plejer fil-Kampjonat Premier u mistieden residenti ta’ Replay għal dawn l-aħħar għaxar snin u aktar.
Hekk kif qed noqorbu għax-xahar ta’ Ottubru, qed tikber l-antiċipazzjoni għar-ritorn ta’ Replay ta’ nhar ta’ Ħadd — programm li kien parti mill-kultura tal-futbol Malti għal kwart ta’ seklu, u li issa qed ikun ivvintat mill-ġdid biex iwassal l-aqwa u l-aktar kontenut f’waqtu għall-partitarji tal-lum.
//= $special ?>