Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li kkawża ġrieħi gravi waqt argument fil-Ħamrun

Ahmed Mohamed Awale ta’ 29 sena mwieled is-Somalja u residenti Raħal Ġdid, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li fl-14 ta’ April 2025 fil-Ħamrun, ikkawża ġrieħi gravi fuq Duale Shire Mohamed permezz ta’ arma irregolari u kiser il-paċi pubblika.

Il-prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-argument seħħ fi Triq San Pawl, fil-Pjazza tal-Ħamrun, li tinsab eżatt ħdejn l-iskola tal-lokal. L-avukat Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, sostna li l-imputat attakka lill-vittma matul il-ġurnata, f’ħinijiet meta t-tfal kienu qed joħorġu mill-iskola.

Awale ammetta l-akkużi kollha kontrih b’mod bikri fil-proċess u kkonferma l-istess ammissjoni fis-seduta tal-5 ta’ Settembru li għadda. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, ikkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Dan ifisser li l-imputat mhux se jmur il-ħabs jekk matul dan il-perjodu ma jikkommettix reati ġodda u josserva l-kundizzjonijiet imposti. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat ordni ta’ protezzjoni għal sena sabiex l-imputat ma javviċinax jew jikkomunikax mal-vittma.

Il-Qorti minbarra li ħadet ukoll nota li l-imputat ammetta l-akkużi migjuba fil-konfront tiegħu fi stadju bikri tal-proċess kif ukoll illi l-vittma ħafer lill-imputat u ma xehedx kontra tiegħu. Huwa ġie obbligat ukoll iħallas l-ispejjeż tal-esperti fi żmien sitt xhur.

L-Avukat Guilia Micallef Stafrace dehret għall-akkużat.