“Kburi li għal darbaoħra qed nerġgħu nagħmlu edizzjoni ta’ rottArti – turija ċara li d-Dar Ċentrali hija d-dar ta’ dawk kollha li jixtiequ jesprimu lilhom infushom”.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ din l-esebizzjoni mill-isbaħ – fejn din is-sena l-ammont ta’ parteċipanti qabżu t-80.




Din hija wirja ta’ arti kollettiva li l-Ħamis filgħaxija reġgħet fetħet il-bibien tagħha – wirja li qed tiċċelebra dak kollu li huwa Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għalaq id-diskors tiegħu billi rrimarka kif bħala politiċi għandhom ikunu ta’ sostenn għal-arti u l-kultura ta’ pajjiżna għax din tesprimi parti mill-identita tagħna, kif ukoll dak li jkun qed jiġri fis-soċjetà tagħna.
Stefan Caruana, s-Segretarju Eżekuttiv Organizzativ tal-PN u Kuratur ta’ rottArti, fetaħ is-serata b’diskors fejn irringrazzja lil dawk kollha li għoġobhom jattendu għall-ftuħ ta’ din il-wirja. Huwa semma’ kif il-Partit Nazzjonalista minn dejjem poġġa fiċ-ċentru tal-politika u l-viżjoni tiegħu l-arti u l-artisti – u hekk ser ikompli jagħmel.
Stefan Caruana fakkar kif il-festi tal-Indipendenza fetħu bil-Konkors Kanzunetta Indipendenza li ta ġieħ lill-kanzunetta Maltija. U issa, qed jiġu fi tmiemhom propju b’din il-wirja.
rottArti se tkun miftuħa għall-pubbliku sal-Ħadd 12 ta’ Ottubru, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-3:30pm sas-7:00pm u s-Sibtijiet mid-9:00am sa 12:00pm.
Preżenti waqt l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calscone, is-Segretarju Ġeneral Charles Bonello, u diversi deputati u kandidati tal-PN.
//= $special ?>