F’Marzu qal li l-Ukrajna ma tistax tirbaħ il-gwerra mingħajr ma tagħmel kompromessi, issa qed jgħid li r-ritorn tal-Krimea f’idejn l-Ukrajna mhux negozjabbli
Il-Partit Nazzjonalista jinnota bi skantament l-aħħar kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-kriżi fl-Ukrajna, fejn qal li r-ritorn tal-Krimea f’idejn l-Ukrajna mhux negozjabbli.
Din id-dikjarazzjoni turi kemm il-Prim Ministru hu bla kredibbiltà meta jkompli jagħmel U-turns fuq materji tant sensitivi.
Abela filli jgħidilna li l-Ukrajna ma tistax tirbaħ il-gwerra mingħajr ma tagħmel kompromessi – kif qalilna sitt xhur ilu – u filli issa qed jitkellem dwar l-okkupazzjoni illeġittima tat-territorji Ukreni mir-Russja, fosthom tal-Krimea, li skont hu l-integrazzjoni tagħha mill-ġdid fl-Ukrajna assolutament mhux negozjabbli.
Matul dawn l-aħħar snin, Robert Abela u l-Gvern tiegħu mhux biss kellhom pożizzjonijiet kontradittorji, iżda agħar minn hekk, attakkaw lill-Partit Nazzjonalista u esponenti tiegħu li dejjem kienu konsistenti fl-appoġġ tagħhom għall-poplu Ukren.
Illum, wara sentejn u nofs ta’ invażjoni brutali, meta pajjiżi oħra ilhom snin juru solidarjetà u jappoġġjaw b’mod konkret lill-poplu Ukren, Robert Abela jipprova jagħti l-impressjoni li hu fuq quddiem nett fid-difiża tas-sovranità tal-Ukrajna. Dan hu każ ieħor ta’ Prim Ministru li jdur ma’ kull riħ, u jipprova jpinġi ruħu bħala statista meta fl-azzjonijiet tiegħu wera biss nuqqas ta’ direzzjoni u serjetà.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ sod u ċar fl-appoġġ tiegħu għall-Ukrajna, għall-ħelsien tagħha u tal-poplu tagħha minn kull forma ta’ aggressjoni, u għall-paċi bbażata fuq il-ġustizzja u r-rispett tad-dritt internazzjonali.
//= $special ?>