Lokali

Diversi persuni arrestati b’rabta ma’ serq ta’ muturi

Permezz ta’ investigazzjonijiet kontinwi b’rabta’ ma’ ċirku kriminali li jinvolvi serq ta’ muturi minn diversi lokalitajiet, il-pulizija arrestat tliet persuni oħra, allegatament involuti fis-serqiet.

Waqt sorveljanza mill-Pulizija l-Ħamis waranofsinhar, wieħed mis-suspettati, ġuvni ta’ 19-il sena, ġie osservat isuq mutur li kien irrapurtat misruq. Kien għalhekk li twaqqaf u ġie arrestat.

Mill-investigazzjonijiet illi saru irriżulta li ġuvni ta’ 14-il sena kien ukoll involut fis-serqa tal-mutur u kien arrestat ftit tal-ħin wara.

Minn hawn il-Pulizija marret f’għalqa fiż-żona ta’ Ħas-Saptan fejn kien arrestat ġuvni ieħor ta’ 18-il sena li ukoll allegatament kien involut fis-serq tal-mutur. Huwa kien innotat qiegħed jaħdem fuq żewġ muturi oħra u li aktar tard irriżultaw li kienu misruqin.

Minn tfittxijiet oħra li saru, il-Pulizija irnexxielha ssib 5 muturi oħrajn li allegatament kienu
wkoll misruqa.

It-tliet persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistennija jitressqu l-Qorti
llum għall-ħabta tan-nofsinhar quddiem il-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit.