Lokali

Il-Malta Women’s Lobby tinsisti għal aktar parental leave

Quddiem realtà fejn f’pajjiżna qed naffaċċjaw rata baxxa ta’ twelid, il-Malta Women’s Lobby qed tinsisti li jkun hemm policies aktar ġenerużi fejn jidħol parental leave u indirizzar kif suppost quddiem l-isfidi finanzjarji li qed jaffaċċjaw il-familji hawn f’Malta.

Il-Malta Women’s Lobby fi stqarrija tkelmet dwar il-fatt li ċ-Chamber tal-Kummerċ għamlet reżistenza dwar li jiġi estiż il-leave għal familja. Intant huma rrimarkaw li meta saret din ir-reżistenza ma tawx kas il-fatturi u r-realtajiet demografiċi li Malta qed taffaċċja, kif ukoll l-evidenza xjentifika li turi l-benefiċċji li jkollok meta jiġu mplimentati policies li jsaħħu l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ stqarrew li l-policies tat-titjib fil-leave tal-familja huma ‘miżuri bla bażi soda’. Intant il-Malta Women’s Lobby wieġbet li stqarrija bħal din hi turija ċara li r-riċerka qed tiġi njorata kompletament, għaliex l-evidenza turi l-oppost. Ir-riċerka u l-evidenza juru li pajjiżi b’miżuri ġenerużi u leave tal-ġenituri mħallas tajjeb, kif ukoll b’policies li jħarsu l-ugwaljanza bejn is-sessi, dawn iwassalu għal tgawdija mill-impjieg għoli fost in-nisa, kif ukoll minn rati ta’ fertilità ogħla.

Ir-riċerka turi li l-miżuri favur il-familja, minflok ma jkunu ta’ piż, huma mutur ippruvat ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u parteċipazzjoni akbar fil-forza tax-xogħol.

Intant, Malta bħalissa għandha l-inqas rata ta’ fertilità fl-Ewropa, b’dawn ir-rati fi żmien inqas minn 50 sena jwassluna f’punt fejn il-popolazzjoni tonqos bin-nofs. Huwa għalhekk li hemm bżonn issir azzjoni mill-gvern, tappella l-Malta Women’s Lobby.

Fuq stħarriġ nazzjonali tal-NCPE ma’ nisa u rġiel bejn l-etajiet ta’ 18 u 39 sena juri li 71% jridu leave tal-ommijiet itwal u mħallas, 72% jridu leave tal-missirijiet itwal u mħallas u 89% jemmnu li l-kumpens kurrenti għal-leave tal-ġenituri mhuwiex adegwat.

Barra minn hekk, l-istudji li saru juru biċ-ċar li l-familji Maltin għandhom bżonn aktar appoġġ u mhux inqas. Bil-pressjonijiet finanzjarji u n-nuqqas ta’ ħin huma fost l-akbar ostakli li qed iżommu lill-familji milli jkollhom aktar tfal.

Il-Malta Women’s Lobby qed tinsisti li r-riforma tal-leave tal-familja u l-indirizzar tal-kontijiet finanzjarji li qed jaffaċċjaw il-koppji żgħażagħ għandhom jiġu trattati bħala prijorità nazzjonali.