L-elezzjoni parlamentari tal-Ħadd fil-Moldova ser tiddeċiedi jekk il-pajjiż ikomplix fi triqtu lejn il-Punent u allura lejn sħubija mal-Unjoni Ewropea jew inkella jerġax jinġibed lura lejn dipendenza minn Moska.
Diġà jidher li hemm akkużi ta’ ndħil fil-voti hekk kif il-Prim Ministru tal-Moldova Dorin Recean wissa dwar in-nefqa ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro mill-Gvern Russu sabiex jipprovaw jieħdu poter ta’ Chisinau.
Il-votazzjoni li ser issir nhar il-Ħadd ser tiddetermina l-futur ġeopolitiku tal-pajjiż, għażla ċara bejn il-Lvant u l-Punent.
Ġeografikament il-Moldova tinsab bejn l-Ukrajna u r-Rumanija, u qattgħet dawn l-aħħar snin fi triq lejn sħubija mal-UE. Il-poplu tal-Moldova permezz ta’ din il-votazzjoni ser ikun qed jeleġġi parlament ġdid u allura 101 siġġu li dawn ser jiddeċiedu jekk din il-mixja ta’ sħubija tibqax għaddejja jew jekk il-pajjiż ta’ madwar 2.5 miljun persuna jerġax imur lura lejn dipendenza u tmexxija mill-gvern Russu.
Il-Partit favur il-Punent ilu jżomm maġġoranza b’saħħitha fil-parlament mill-2021, jekk jonqos milli jżomm il-maġġoranza, Igor Grosu li huwa l-mexxej ta’ dan il-partit u speaker tal-Parlament tenna li din tkun it-tmiem tal-integrazzjoni mal-UE.
Żied ukoll li dan ikun ifisser, tmiem tal-indipendenza, waqfien tal-ġustizzja, tal-proġetti infrastrutturali u ta’ kollox għaliex ma jkunx hemm triq tan-nofs.
Barra minn hekk, ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni jiddependi minn kemm kienu effettivi l-awtoritajiet Moldovi biex ilaħħqu mal-gwerra ibrida tar-Russja, li l-għan tagħha huwa li xxekkel it-triq lejn is-sħubija mal-UE.
Allegatament jidher li minn naħa tar-Russi hemm skemi li jinkludi xiri ta’ voti fuq skala kbira, cyberattacks fuq l-infrastrutturi tal-gvern u kampanja sħiħ ta’ tixrid ta’ diżinformazzjoni fuq il-midja soċjali sabiex idawwru l-voti.
Recean tenna kif l-awtoritajiet f’din ir-realtà wettqu diversi raids u arrestaw bosta persuni. Intant, huwa tenna li l-Kremlin saħansitra għandha nies kompliċi fil-Moldova stess, nies li lesti jbigħu lill-pajjiżhom għall-flus. B’Moska kontinwament tiċħad dawn l-akkużi.
Il-vot tal-Ħadd jiġi sena biss wara li l-poplu vvota favur it-triq lejn ħbiberija mal-UE.
//= $special ?>