Lokali

Imfakkar il-Jum Ewropej tal-Lingwi

Fi kliem il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius, il-Malti huwa teżor tal-pajjiż li rridu nkomplu nkabbruh u niddefenduh fir-rutina ta’ kuljum.

Huwa qal dan waqt taħdita f’Dar Malta li ċċelebrat il-Lingwa Nazzjonali bis-sehem ta’ akkademiċi, interpreti u kreaturi tal-kontenut li ta’ kuljum jimpenjaw ruħhom biex iħallu l-Lingwa tagħna ħajja. Fost dawn, żewġ residenti barranin f’pajjiżna – Kate Browka u Jeffrey Antonio li spjegaw kif qed jitgħallmu l-lingwa Maltija u jaqsmu l-proċess mal-kumunitajiet barranin f’Malta permezz tal-mezzi soċjali.

Huma ħeġġew lill-komunita’ barranija f’Malta biex iħobbu l-lingwa Maltija u jagħmlu mezz jitgħalmuha.

Il-preżentatur u infulencer Marvic Camilleri li jippromovi l-Għawdxi…. qal l-mezzi moderni qed jgħinu jżidu l-apprezzament għall-Għawdxi iżda hu mportanti li ndakkru l-lingwa uffiċċjali.


Waqt it-taħdita, il-kittieb prolifiku Trevor Zahra qal li l-Malti mitkellem għandu jkun l-ikbar prijorita’ biex il-lingwa tibqa’ tgħix għal żmien twil. Fakkar li l-ewwel tagħlim tal-lingwa jibda mid-dar u l-Malti jibqa’ ħaj jekk t-tfal ikunu esposti għalih inkluż fiċ-ċentri taċ-child care.

Zahra appella biex jidħol fis-seħħ iċ-ċekjatur tal-lingwa Maltija li ilu mwiegħed is-snin iżda għadu ma ġiex varat.

L-ewwel interpreta uffiċjali Maltija fil-Parlament Ewropew Daniela Scerri qalet li l-Maltin għandhom ikunu dejjem kburin li l-lingwa Maltija hija lingwa uffiċċjali Ewropeja. Hi ħeġġet biex il-Malti jingħata iktar valur li jixraqlu, partikolarment fil-kitba u taħdit formali.