Lokali Qorti

Isibu d-droga wara li twaqqaf mill-Pulizija

Jason Zammit tressaq il-Qorti wara li ġie arrestat meta instab isuq barra l-ħinijiet tal-curfew tiegħu. Huwa twaqqaf għall-ħabta tat-3am, wara li l-pulizija qalulu biex jieqaf iżda waqaf biss wara 20 minuta.

Fil-karozza tiegħu nstabet borża b’żewġ grammi ta’ sustanza suspettata kokaina.

Aktar tard, waqt tfittxija fir-residenza tiegħu f’Tal-Pietà, il-pulizija sabu miżien elettroniku u aktar sustanzi simili.

Zammit, li hu bla xogħol u għandu passat kriminali li jmur lura sal-1998, ġie akkużat b’pussess ta’ kokaina, li wettaq reat f’100 metru minn post frekwentat miż-żgħażagħ, u li ma obdiex ordnijiet leġittimi tal-pulizija.

Huwa kien akkużat ukoll li pprova jeqred jew jimmodifika traċċi ta’ reat, li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li sar reċediv.

L-akkużat wieġeb mhux ħati. U ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju, u għalhekk… hu nżamm arrestat.

L-Ispettur Jonathan Pace talab lill-qorti biex jiġi żgurat li Zammit jirċievi l-kura medika meħtieġa fil-ħabs.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, u għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit u Matthew Xuereb.