Lokali

Ma jiċħadx li l-kuntratt ta’ Cardona kien impost fuqu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Ministru Clifton Grima fl-ebda ħin ma ċaħad li l-impjieg ta’ Chris Cardona fil-Ministeru tiegħu, ma ġiex impost fuqu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan hekk kif qed tkompli tikber il-frustrazzjoni fost dawk li huma kontra r-ritorn ta’ Cardona mal-Gvern.

Waqt intervista fuq Campus FM, il-Ministru Grima naqas milli jsemmi fiex qed isarraf l-impjieg tal-eks Ministru Laburista, hekk kif meta mistoqsi dwar x’se jkun qed joffri Chris Cardona lill-Ministeru tal-Edukazzjoni …hu baqa’ jinħebba wara l-kuntrat li dan għandu.

Chris Cardona se jkun qed jingħata xejn inqas minn €36,920 fis-sena – mit-taxxi tal-poplu.

U minkejja li inizjalment kien qal li Chris Cardona, mhux persuna kontroversjali donnu li issa, Grima ħassu skomdu jwieġeb jekk moħħu hux mistrieh dwar l-impjieg ta’ Cardona li qed jibqa’ jiġi implikat fil-Qorti b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru Grima kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Professur Andrew Azzopardi waqt il-programm tiegħu fuq Campus FM,  meta spiċċa jammetti li wara 3 snin bi ftehim kollettiv skadut l-edukaturi tal-MCAST għadhom fil-għama dwar meta se jirċievu l-arretrati, hekk kif il-Minisrtu Clifton Grima naqas milli jwieġeb jekk dawn hux se jirċivuhom f’Ottubru.

Dwar l-iskandu tal-MCAST u s-serq mill-pagi, il-Ministru qal li se jkun qed  jistenna l-investigazzjoni tispiċċa.

Intant, il-Ministru Grima qal li bħalissa ma hawnx nuqqas ta’ LSEs hekk kif madwar 6,000 tifel u tifla – skont hu – qed jingħataw din l-assistenza mingħand 4,000 LSE.