Lokali

AĠĠORNATA: Tikkollassa parti minn binja fi Triq Pawlu Portelli fir-Rabat Għawdex

Ir-residenti ta’ żewġ toroq fir-Rabat Għawdex spiċċaw maħsuda wara li krollat binja li tinsab biswit sit ta’ kostruzzjoni.

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qed jinvestigaw dan il-każ li seħħ fi Triq San Gwann Bosco ma’ Triq Pawl Portelli.

F’dan l-inċident ċedew xi strutturi li maġenbhom hemm sit ta’ kostruzzjoni.

U bħala miżura ta’ prekawzjoni l-awtoritajiet flimkien ma’ uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija, evakwaw lin-nies li jgħixu fil-viċinanzi.

Inħarġet ukoll ordni sabiex jittwaqfu x-xogħlijiet sakemm isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

Ħafna Għawdxin li tkellmu ma’ Net News qalulna li faċċata ta’ dan il-post fejn seħħ il-każ, diġa’ kienet niżlet it-triq.

Ir-residenti spjegawlna li s-sibt filgħaxija ġew evakwati minn darhom u li ħadd ma kkomunika magħhom x’kien se jiġri. Ħafna oħrajn irrimarkaw li issa, wara ġurnata, jintesa kollox. “Qisu ma ġara xejn u nkomplu infarrku u nħaffru”, qaltilna mara li tgħix fiz-zona.

Ikkummenta wkoll il-President tal-Kamra tal-Ġeoloġi illi qal li dan kien każ ieħor fejn skappajniha bi ftit. Imma kemm se ndumu sejrin hekk?, staqsa Peter Gatt. Filwaqt illi fakkar li l-BCA qed tibqa’ tirreżisti milli tirrikonoxxi lill-Kamra tal-Ġeoloġi.

Ritratt meħud fit-8:45pm – Ir-residenti kollha taz-zona għadhom evakwati minn djarhom