Lokali Qorti

Tliet Indjani nstabu ħatja li weġġgħu lill-kollega tagħhom

Tlett irġiel ingħataw sentenza sospiża wara li nstabu ħatja li weġġgħu kollega tax-xogħol għax ilmenta fuq storbju li kienu qed jagħmlu fl-appartament fejn jgħix.

It-tliet Indjani wieħed ta’ 43 sena, ieħor ta’ 46 sena u ieħor ta’ 47 sena kienu mixlija li attakkaw u weġġgħu gravi lill-vittma. Il-vittma jaħdem mat-tlieta li huma fil-qasam tal-kostruzzjoni. Wieħed minnhom ġie mixli wkoll li weġġa’ ħafif lill-vittma b’arma bil-ponta. Il-każ seħħ nhar l-14 t’Awwissu, 2022.

Il-vittma xehed li ġew mistiedna għand wieħed mill-irġiel, Raphel, id-dar tiegħu. Il-vittma, li hu wkoll Indjan, xehed li t-tlett irġiel kienu qed jagħmlu ħafna storbju u għalkemm beda jilmenta bdew jinjorawh.

Ir-raġel telaq jagħmel rapport l-għassa tal-Imsida. Dlonk, it-tlett irġiel marru għalih, bil-vittma qal li spiċċa bi mnieħru miksur u darbulu għajnejh.

Il-vittma qal li rnexxielu jisgiċċa u mar jistaħba wara l-Knisja tal-Imsida. Aktar tard mar lura f’kamartu u t-tlett irġiel marru fuqu u reġgħu attakkawh. Qal li wieħed minnhom kellu ħadida u flixkun tad-detergent, waqt li l-ieħor kellu sikkina.

L-akkużati ċaħdu li refgħu jdejhom fuqu u qalu li l-vittma kien xurban u kien aggressiv magħhom. Qalu li kiser imnieħru meta waqa’ t-taraġ.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, qieset il-verżjoni tal-vittma aktar kredibbli anke minħabba li x-xhieda tiegħu kienet konsistenti. Għaldaqstant, wara li qieset li l-vittma kien qed jgħid il-verità, il-Qorti sabet lill-akkużati ħatja li weġġgħuh gravi. Hija tathom sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.