Internazzjonali

Assedju kontinwu fuq il-poplu Ukren fost bumbardament qattiel ta’ mill-anqas 12-il siegħa

Ir-Russja qed iżżid l-assedju mill-ajru fuq l-Ukrajna, fost bumbardament – l-itwal tal-gwerra – fuq Kiev u diversi bnadi oħra li dam għal aktar minn 12-il siegħa…. Bumbardament li fih, inqatlu talanqas għaxra, b’viċin il-mija jisfaw midruba.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-katavri tal-mejtin kienu kollha elevati mill-inħawi tal-kapitali u li fosthom kien hemm tifla ta’ 12-il sena.

Il-baraxx fuq Kiev kien jinvolvi mas-600 drone u għexieren tal-missili – b’Zelensky iwiegħed li l-Ukrajna kellha tirritalja żgur ‘għal dan l-attakk vili fuq il-poplu’.

Filwaqt li l-Kremlin qal li l-bumbardament kien immirat għall-faċilitajiet militari u l-intrapriżi industrijali li jappoġġjaw lill-qawwiet armati Ukreni, Zelensky enfasizza li ‘Moska trid tkompli tiġġieled u toqtol liċ-ċivili’.

Il-poplu ta’ Kiev, intant, qed jgħix fi stat ta’ ansjetà akuta meta jaf li, minn ħin għall-ieħor, kapaċi jisfa mira għal kull tip ta’ attakki indiskriminattivi mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Fil-fatt, numru ta’ drones li, fl-aħħar sigħat, laqtu lill-Istitut tal-Kardjoloġija fi Kiev swew il-ħajja ta’ infermiera u pazjent. Intlaqtu wkoll l-istabbiliment ta’ furnar, fabbrika kbira li tipproduċi r-roti, u diversi blokok tal-appartamenti.

Dan waqt li l-missili u d-drones laqtu wkoll lir-reġjuni ta’ Zaporizhzhia, Khmelnytskyi, Sumy, Mykolaiv, Chernihiv u Odesa..Attakki li rriżultaw f’ħafna midruba, inklużi tfal.

Il-President Zelensky, wara l-attakki, qal li pajjiżu se jagħmel minn kollox biex, permezz tal-azzjonijiet militari, jipperswadi lir-Russja biex tinnegozja għal waqfien mill-ġlied li ilu mistenni għal dawn l-aħħar xhur.

Hu, fl-istess ħin, sostna li qed jiddependi minn ‘reazzjoni qawwija’ min-naħa tal-Ewropa u l-Istati Uniti’, filwaqt li nnota li l-offensiva mill-ajru fuq pajjiżu saret proprja fit-tmiem ta’ ġimgħa fejn spikkaw numru ta’ diskorsi sinifikanti waqt l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Zelensky irrepeta l-appoġġ għall-aħħar dikjarazzjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, li fiha kien hedded is-sanzjonijiet aktar ħorox għar-Russja.

Trump, ftit tal-jiem ilu, tenna, għall-ewwel darba, lil-Ukrajna kapaċi tieħu lura l-artijiet li tilfet lir-Russja waqt din il-gwerra u li l-ekonomija tar-Russi qed taqta’ lura b’effett tal-konflitt li ilu minn Frar tal-2022.

Dan meta l-Mexxej Amerikan qed isir dejjem aktar frustrat dwar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tar-Russja biex jintlaħaq ftehim għall-paċi….Tragward li rabat qalbu miegħu l-istess Donald Trump.