L-elezzjoni ġenerali li qed issir fil-Moldova għandha titqies bħala eżami dwar jekk il-poplu ta’ din l-eks-Repubblika Sovjetika jissoktax fit-triq lejn l-isħubija fl-Unjoni Ewropea… Il-vot hu l-aktar wieħed kruċjali għal snin wara li t-Tmexxija f’Chisinau għamlet l-almu tagħha biex tavviċina lill-Punent minħabba t-theddida konsistenti min-naħa tar-Russja.
Fil-fatt, il-poplu qed jivvota taħt id-dell ta’ allegat indħil min-naħa tal-Kremlin – b’Moska żgur li ma tridx li l-Moldova tkompli tavviċina lill-Punent, wisq anqas li ssir membru tan-NATO fil-ġejjieni. Fil-fatt, sigħat qabel l-elezzjoni, spikkaw l-akkużi tal-Prim Ministru tal-Moldova, Dorin Recean, li l-Kremlin immanuvra minn taħt biex jimmanilupa dan il-vot… Aġir illegali u li, allegatament, sewa lil Moska l-ekwivalenti tal-mijiet tal-miljuni tal-ewro.
Waqt li l-Unjoni Ewropea qed tistenna b’ansjetà għall-ewwel indikazzjonijiet dwar il-vot, l-osservaturi fi Brussell u ‘il hinn minnu huma inkwetati sew dwar l-allegazzjonijiet li r-Russi ħaddmu l-iskemi għax-xiri tal-voti, fost l-organizzazzjoni tal-attakki ċibernetiċi fuq l-infrastruttura tal-Gvern tal-Moldova. Jidher ukoll li ma naqsitx kampanja kontinwa ta’ qerq u misinformazzjoni fuq il-media soċjali min-naħa tal-Kremlin.
Il-Parlament f’Chisinau hu magħmul minn 101 deputat u l-Moldova, fl-aħħar snin, żiedet l-isforzi lejn futur bħala membru tal-UE – speċjalment wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Recean qed iqis dawn l-elezzjonijiet bħala ‘battalja finali’ għall-futur ta’ pajjiżu’ minħabba l-pressjoni kontinwa min-naħa ta’ Moska.
Il-Gvern li amministra lill-Moldova fl-aħħar snin kien immexxi mill-Partit PAS li hu favur l-Ewropa. Intant, il-poplu jista’ ukoll jagħżel lill-Blokk Patrijottiku, magħmul fil-parti kbira mill-Partiti Soċjalisti u Komunisti, biex imexxi lill-Moldova — b’għażla oħra tinvolvi grupp politiku ieħor favur l-UE, bl-isem ta’ Alternativa.
Sadanittant, Igor Dodon, l-eks-President tal-Moldova bis-simpatiji ma’ Moska, hu favur li jtejjeb ir-relazzjonijiet mar-Russja. Dodon. Soċjalista, hu wieħed mill-kandidati ewlenin tal-Oppożizzjoni li qed jikkuntesta din l-elezzjoni u meta hu dejjem ipprova jimminimizza l-indħil tar-Russja fl-affarijiet interni ta’ pajjiżu.
Dan ukoll meta hemm tensjoni kbira bejn Dodon u Maia Sandu, il-President tal-Moldova li waqqfet il-PAS — bl-eks President lanqas ma għandu relazzjonijiet tajbin mal-alleati tagħha.
//= $special ?>