Lokali

Il-PN jimbotta biex l-ambjent ikun dritt kostituzzjonali

Il-Poplu Malti u Għawdxi ħaqqu jkollu l-ambjent bħala dritt kostituzzjonali. Fil-ġranet li ġejjin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, flimkien mal-bqija tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, għażel li waqt il-jum tal-Oppożizzjoni jiddiskutu l-Private Members Bill proposta rigward l-ambjent.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar dan waqt attività politika f’Ħal Qormi l-Ħadd filgħodu fejn spjega li kull 6 xhur l-Oppożizzjoni jkollha ġurnata ddedikata għaliha u trid tiddeċiedi hi fuq xiex trid tiddiskuti.

Għaldaqstant, Alex Borg spjega li se jkun qiegħed jimbotta sabiex l-ambjent jiġi mħares bħala dritt.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti garanzija ta’ progress li jimxi id f’id ma’ żvilupp sostenibbli – iżda fl-istess waqt ikunu salvagwardjati l-pulmuni ħodor ta’ pajjiżna.

Għaldaqstant huwa saħaq li se jkun qed jitlob fil-Parlament sabiex issir ukoll diskussjoni serja fuq ir-reviżjoni tal-qasam tal-ippjanar f’pajjiżna biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem bi progress sostenibbli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li spiċċa ż-żmien bħal ma seħħ u għadna qed nixhdu  taħt amminsitrazzjoni Laburista li l-Gvern iġelled l-ambjent mal-iżvilupp.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg temm jgħid li l-poplu jeħtieġlu serħan il-moħħ u li dan huwa l-mument sabiex jingħataw Malta u Għawdex aħjar għal ġenerazzjonijiet futuri