L-Iran, ‘il quddiem, kapaċi jinħall minn kwalunkwe ftehim nukleari wara li n-Nazzjonijiet Uniti imponiet pakkett ġdid u sostanzjali ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u militari fuq il-pajjiż fundamentalista….Sanzjonijiet li mistennija jħallu impatt kbir, wara li kienu tneħħew is-sanzjonijiet ewlenin ta’ għaxar snin ilu fuq l-Iranjani, grazzi għall-ftehim internazzjonali storiku għat-trażżin tal-proġetti nukleari tar-reġim Iżlamiku f’Tehran.
Il-miżuri ġodda kontra l-Iran daħlu fis-seħħ hekk kif it-tlett potenzi tal-Punent – ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja – attivaw mekkaniżmu magħruf bħala ‘snapback’. Dan fost l-akkużi li l-Iran qed jeskala l-iżvilupp tan-nukleari fost in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi firmatarji tal-ftehim.
L-Iran issospenda l-ispezzjonijiet tal-faċilitajiet nukleari tiegħu wara li Iżrael u l-Istati Uniti, f’Ġunju, ibbumbardjaw diversi siti u bażijiet militari tal-Iranjani. L-ispezzjonijiet, sadanittant, huma obbligu legali taħt it-termini tal-imsemmi ftehim storiku li kien intlaħaq fl-2015.
Il-President Iranjan, Masoud Pezeshkian, il-ġimgħa l-oħra kien insista li pajjiżu ma għandu l-ebda skop li jipproduċi l-armamenti nukleari u, fl-aħħar sigħat, ikkritika l-introduzzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet bħala ‘pass inġust u illegali’.
L-hekk-imsejjaħ Joint Comprehensive Plan of Action jimponi limiti għall-istallazzjonijiet nukleari tal-iIan kif ukoll għall-ħażniet tal-uranju rraffinat li kapaċi jintuża għall-iżvilupp tal-missili qerrieda. Il-ftehim kellu jillimita wkoll l-ammont ta’ riċerka mill-Iran fil-qasam nukleari, bil-ħsieb li l-pajjiż jiżviluppa l-infrastruttura għall-enerġija nukleari mingħajr il-produzzjoni tal-armamenti projbiti.
L-Iran, intant, ta spinta lill-attività nukleari wara li Donald Trump, fl-2018, ħareġ lill-Istati Uniti mill-ftehim. waqt l-ewwel mandat tiegħu bħala President tal-Istati Uniti.
L-attakki ta’ Ġunju mill-qawwiet Amerikani u Iżraeljani fuq is-siti tal-Iran, fil-fatt, kienu intenzjonati biex iwaqqfu l-allegat progress tal-Iranjani fis-settur nukleari. Iżda waqt li Trump sostna li l-attakki kienu ‘mill-aktar effettivi’, hemm id-dubji dwar kemm l-azzjonijiet tefgħu lura tassew il-programm nukleari ta’ Tehran.
//= $special ?>