Lokali

Miżura wara oħra għall-poplu, il-Partit Nazzjonalista jkompli jressaq viżjoni serja għall-familji u l-ambjent

Illum f’Ħal Qormi, waqt attività politika bit-tema “Qrib Tagħkom” fi Pjazza San Franġisk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa Alex Borg kompla juri kif il-politika tal-PN mhix kliem biss iżda viżjoni konkreta u studjata għall-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, in-negozji u l-ambjent.

Waqt din l-attività, Alex Borg qal li dan hu mument kruċjali biex nuru lill-poplu fejn il-Partit Nazzjonalista jrid jieħu lil Malta u li hu għandu l-kuraġġ u t-tama li flimkien u bil-ħidma ta’ kulħadd, dejjem aktar nies se jersqu aktar lejn il-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġeb għal mistoqsijiet minn sitt parteċipanti li kienu jirrappreżentaw faxex differenti tas-soċjetà Maltija.

Carl Betts, żagħżugħ universitarju, tkellem dwar id-diffikultajiet li ż-żgħażagħ qed jiffaċċjaw biex jixtru proprjetà. Alex Borg fakkar fil-proposti tal-PN għal self mill-Gvern, skemi għal first-time buyers u l-użu ta’ proprjetajiet vojta għal housing affordabbli, biex ikun żgurat li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikollhom kull sostenn possibbli biex jixtru darhom u jibnu l-futur tagħhom f’pajjiżna.

Annabelle Cilia, żagħżugħa, staqsiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Alex Borg tkellem dwar l-aktar proposta reċenti li ħabbar il-PN għall-ġenituri: tax band ġdida msejħa PARENT 2 li se tħalli €8,500 aktar fis-sena lil kull familja li jkollha it-tieni wild jew aktar. Din tiżdied mal-proposta li ħabbar f’Jannar tal-leave ta’ sena mħallas mill-Istat għal ġenituri ġodda – proposta li l-Gvern, wara snin mingħajr viżjoni ta’ xejn, issa qed jipprova jikkopja. Alex Borg qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem fuq pjan olisitku għal spazji miftuħa f’pajjiżna biex il-familji jkollhom post fejn jistrieħu flimkien fil-miftuħ.

Aldo Scicluna, anzjan, tkellem dwar il-pensjonijiet u s-solitudni. Il-Kap tal-PN spjega kif il-PN se jaħtar kelliem għas-solitudni biex jindirizza l-bżonnijiet mentali u soċjali tal-anzjani. Alex Borg qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-anzjani tagħna jkollhom l-aqwa servizzi ta’ kura fil-komunitajiet tagħhom, permezz ta’ care homes b’ħaddiema speċjalizzati kif ukoll qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jibni spar ġdid state-of-the-art f’Malta u ieħor f’Għawdex. Hu wiegħed ukoll li jikseb ġustizzja għal anzjani li twieldu qabel l-1962 u li qed jieħdu pensjoni aktar baxxa minn dawk li twieldu wara l-istess sena.

Cassandra Bonnici, sid ta’ negozju żgħir, irrimarkat dwar il-piż tal-burokrazija u l-kompetizzjoni li jiffaċċjaw in-negozji żgħar u medji. Alex Borg ħabbar li l-PN se jkun qed jipproponi li l-corporate tax tinżel għal 15% għan-negozji Maltin filwaqt li negozji barranin f’Malta ma jibqgħux iħallsu taxxa bil-5% imma jibdew iħallsu wkoll 15%. Il-Kap tal-PN qal ukoll li jrid jara li l-VAT fuq ristoranti tinżel minn 18% għal 7% biex tagħti nifs lis-sidien mill-piżijiet dejjem jikbru. Hu qal ukoll li jrid joħloq ekosistema li verament tħeġġeġ lil min jixtieq jibda negozju żgħir.

Sarah Jane Ellul, omm żagħżugħa li għadha kif temmet il-kors tal-liġi b’suċċess, staqsiet dwar il-kwalità fit-turiżmu. Alex Borg spjega kif il-PN irid imur minn turiżmu tal-kwantità għal turiżmu ta’ kwalità, b’aktar enfasi fuq oqsma ġodda bħall-gastronomija, l-agrituriżmu, il-kultura, u aktar, biex dan il-qasam ikompli jikber bi pjan u b’viżjoni li trendi lil kulħadd. Hu semma kif Ibiza biddlet l-immaġni li tbigħ lit-turist u fi żmien sentejn naqqset it-turisti bin-nofs filwaqt li rduppjat id-dħul mit-turiżmu permezz ta’ shift għal turiżmu ta’ kwalità. Alex Borg qal ukoll li biex verament nippreservaw dak li għandna, irridu nħarsu l-identità nazzjonali, u għal dan il-għan fis-sigħat li ġejjin se jkun qed iħabbar ukoll kelliem tal-PN għall-identità nazzjonali.

Gabriel Borg Ferrando, żagħżugħ ambjentalist, qajjem il-problema tal-ispazji miftuħa u l-ippjanar bla viżjoni. Alex Borg ħabbar li nhar il-Ħamis il-PN se jkun qed iressaq għall-vot fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi tiegħu biex l-ambjent jiddaħħal fil-Kostituzzjoni bħala dritt fundamentali ta’ kull ċittadin. Din il-proposta, li l-Gvern għażel li jħalli fuq l-ixkaffa għal snin sħaħ, il-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħamis se jerġa’ jiftaħ id-dibattitu parlamentari dwarha billi jressaqha bħala Private Member’s Bill. Din se tkun l-ewwel seduta ddedikata lill-Oppożizzjoni mindu Alex Borg kien elett Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Alex Borg qal li se jkun qed jimbotta għal diskussjoni dwar tibdil fil-pjani lokali. Hu qal li ma rridux immorru lura fejn jidħol żvilupp, iżda ’l quddiem imma b’mod sensibbli u sostenibbli.

Hu qal li l-pajjiż jeħtieġlu riforma fl-ippjanar, imma mhux bil-mod li ried jagħmilha l-Gvern, li tħares biss l-interessi ta’ dawk qrib il-Labour.

Alex Borg qal li l-Partit Laburista prova jgħawwiġlu kliemu dwar Għawdex u t-torrijiet. Hu qal li ilu snin sħaħ jitkellem dwar Għawdex u jiddefendi lil din il-gżira, u llum aktar minn qatt qabel se jkompli jiddefendi lil Għawdex u l-karattru uniku tiegħu.

Qabel l-attività, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma bosta persuni li nġabru Ħal Qormi biex jiltaqgħu miegħu kif ukoll żar diversi stabbilimenti u każini Qormi.