Futbol Sport

Rebħa drammatika għal Arsenal f’St’James’ Park u approfittaw miż-żelqa ta’ Liverpool

Ritratt: EPA

F’St’James’ Park rebħa drammatika għal Arsenal fuq Newcastle biex approfittaw miż-żelqa ta’ Liverpool tas-Sibt u naqqsu d-distakk f’ras il-klassifika għal żewġ punti. Arsenal bdew il-partita fuq l-attakk bil-goalkeeper Nick Pope jwettaq diversi saves fl-ewwel ħinijiet tal-partita. Minkejja dan, kontra x-xejra tal-logħob kienu Newcastle li fetħu l-iskor fl-34 minuta meta minn cross mix-xellug kien Nick Woltemade li għola tajjeb u bir-ras xeħet wara David Raya għal 1-0.

Fit-tieni taqsima, Arsenal ħarġu jfittxu l-gowl iżda kellhom jistennew sal-84 minuta meta minn cross ta’ Declan Rice, kien is-sostitut Mikel Merino li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Nick Pope għal 1-1. B’Arsenal jitfgħu kollox fuq l-attakk kien Gabriel Magalhaes li fis-96 minuta għola bir-ras fuq corner ta’ Martin Odegaard u tefa’ fix-xibka, fost l-ewforija tal-partitarji ta’ Arsenal.

Aktar kmieni tasal l-ewwel rebħa ta’ Aston Villa dan l-istaġub b’rebħa ta’ 3-1 fuq Fulham. Kienu Fulham li fetħu l-iskor wara tliet minuti b’gowl ta’ Raul Jimenez. Ollie Watkins kiseb il-gowl tad-draw fis-37 minuta b’John McGinn jiskorja it-2-1 fid-49 minuta. Żewġ minuti wara kien Emiliano Buendia li skorja it-tielet gowl u ssiġilla r-rebħa għal Aston Villa u Unai Emery.