Ir-Russja, fost kritika għall-allegati azzjonijiet ostili mill-Punent, qed tipprova twassal messaġġ li hi ma għandha l-ebda ħsieb li twettaq xi attakk militari fuq xi pajjiż tan-NATO jew tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, Moska qed twassal ukoll theddida li għandha twieġeb ‘bla kantunieri’ għal kwalunkwe aggressjoni diretta lejn il-poplu Russu.
Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, waqt diskors lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, deher viżibbilment urtat waqt li kkundanna dak li fisser bħala ‘theddid komuni tal-Punent fil-konfront tar-Russja’.
It-tensjoni bejn ir-Russja u l-Punent tinsab fl-ogħla livell milli qatt kienet mit-tmiem tal-Gwerra Bierda, kmieni fid-disgħiniiet. Intant, Moska – permezz ta’ Lavrov – insistiet li l-President Russu, Vladimir Putin, ma waqafx ixejjen l-akkużi li pajjiżu jista’ qed jippjana xi azzjonijiet militari kontra l-Alleanza tal-Punent u l-Ewropa.
Ir-Russja anki għadha qed tiċħad responsabbiltà għall-aħħar azzjonijiet bid-drones fuq l-ajruporti tad-Danimarka u meta s’issa għad ma hemm l-ebda provi konkreti li Moska pruvat tqajjem ‘paniku’ fost il-poplu Daniż.
Madankollu, l-Estonja, issa, ukoll akkużat lir-Russja dwar abbuż tal-ispazju tal-ajru tagħha, wara li ntlemħu xi ajruplani tal-gwerra ‘barranin’. Dan waqt li n-NATO wettqet missjoni ta’ difiża fuq il-Polonja b’reazzjoni għall-inkursjonijiet tad-drones tar-Russja fuq dan l-Istat membru tal-UE.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal, jiem ilu, li l-pajjiżi tan-NATO għandhom iwaqqgħu lill-ajruplani tar-Russi li jinvadewlhom l-ispazju tal-ajru. Fl-istess ħin, in-NATO wissiet li għandha tuża l-mezzi militari kollha tagħha biex tiddefendi lill-pajjiżi membri, fid-dawl tal-aħħar provokazzjonijiet min-naħa tar-Russja.
//= $special ?>