Futbol Sport

Analiżi u kummenti | Floriana waħedhom fl-ewwel post… Jake Grech ifakkar li t-tim lagħab ħames partiti fl-aħħar 15-il ġurnata

Jake Grech ta' Floriana (ritratt ta' Floriana FC)
Jake Grech ta' Floriana (ritratt ta' Floriana FC)

Floriana kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva u wara match day 7, bit-telfa ta’ Hibernians kontra Ħamrun Spartans, l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Portugiz, Daniel Portela, telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika.

Il-greens rebħu kontra Mosta b’gowl waħdini skorjat mis-solitu Jake Grech fl-24 minuta, u ma nafx jekk hijix kumbinazzjoni jew le, iżda wara li kull tim lagħab seba’ partiti mil-bidu tal-Malta Premier, skont is-sekwenza ta’ gowls skorjati minn Floriana s’issa, l-akbar perċentwal ta’ gowls li l-leaders tal-Kampjonat skorjaw s’issa, saru bejn il-21 minuta u 30 minuta logħob.

Grech, li fit-tieni taqsima kellu penalty milqgħuh minn Akpan Udoh, skorja t-tielet gowl konsekuttiv tiegħu fil-Malta Premier u l-prestazzjonijiet tiegħu qed ikunu importanti biex l-iskwadra mmexxija minn Portela tkompli turi l-potenzjal tagħha.

F’kummenti li Grech ta wara l-partita, hu qal li “wieħed ma jridx jinsa li lagħbna l-aħħar ħames partiti fi 15-il ġurnata, iżda mhux biss. Għal dawn l-aħħar tlieta u erba’ partiti, kellna ħames plejers barra mit-tim u dan xeħet aktar pressjoni fuqna bħala skwadra, għaliex meta tilgħab daqstant partiti, fi żmien qasir u b’ħames plejers li mhux qed jilagħbu, tkun limitat bil-mod ta’ kif tista’ tilgħab, il-plejers nistrieħu anqas u l-kowċ ma jkunx jista’ jwettaq ċertu rotazzjonijiet ta’ plejers.”

Il-plejer internazzjonali Malti, Grech qal li minkejja kollox, u fid-dawl tal-fatt li dan seta’ kien mument stressanti għat-tim, il-prestazzjonijiet ta’ Floriana kienu tajbin, tant li fit-tmiem ta’ match day 7, il-greens jinsabu fl-ewwel post, b’punt wieħed biss fuq Ħamrun Spartans u Valletta rispettivament.

Grech saħaq li minkejja li kontra Mosta huma rebħu b’gowl waħdini, Floriana setgħu jagħlqu l-partita kmieni, anke fl-ewwel taqsima.

“Konna kapaċi noħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor. Saħansitra stajt jien stess stajt nagħlaq il-partita bil-penalty li tlift fit-tieni taqsima u nammetti li kien żball tiegħi,” żied jgħid il-midfielder versatili ta’ Floriana.

Grech diġà qed iħares għal-logħba li jmiss, dik ta’ nhar il-Ġimgħa, kontra Hibernians. “Wara l-logħba tal-lum għandna bżonn ftit jiem ta’ mistrieħ, u nibdew naħsbu b’serjetá fuq l-avversarji li jmissna naffrontaw, Hibernians. Nafu li din se tkun partita diffiċli ħafna, però rridu nħarsu ‘l quddiem b’moħħ pożittiv biex anke f’din il-logħba nerġgħu nġibu l-massimu tal-punti.

Interessanti l-fatt li wieħed jinnota li Floriana, li s’issa skorjaw 11-il gowl u rebħu 71% tal-partiti li lagħbu fil-Malta Premier, qed jiskorjaw l-aktar fl-ewwel taqsima. Bil-kontra jista’ jingħad dwar il-gowls li qalgħu s’issa, li jammontaw għal sitta. Il-maġġoranza ta’ dawn il-gowls sofrewhom fit-tieni 45 minuta tal-partita. Tlieta mis-sitt gowls li qalgħu Floriana dan l-istaġun fil-Malta Premier, l-avversarji tagħhom skorjawhom bejn il-51 minuta u s-60 minuta.

Bħala medja, f’kull partita li lagħbu s’issa, Floriana kellhom ftit anqas minn 6.5 xuttijiet lejn il-lasta avversaraja, bi tlieta minn dawn ix-xuttijiet kienu indirizzati fil-lasta. Skont l-istatistika miġbura s’issa, Floriana qed jirnexxilhom jiskorjaw gowl ma’ kull erba’ xuttijiet li qed ikollhom fl-attakk, bir-rata’ ta’ rata ta’ konverżjoni tax-xuttijiet tagħhom fil-fażi offensiva hija ta’ 24%.