Darren Abdilla se jkun qed jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb tal-Malta Premier, u r-ritorn tiegħu se jkun wieħed bil-wisq familjari. Abdilla, li staġun ilu mexxa lil Floriana għal staġun pożittiv, li iżda bil-mod ta’ kif inhu l-format tal-Malta Premier, spiċċa biex ma rebaħ xejn, se jkun qed jibda t-tielet kapitlu tiegħu bħala kowċ ta’ Gżira United.
Din l-aħbar tasal sigħat biss wara li Clive Mizzi, ħabbar li kien qed jirreżenja minn kowċ tal-maroons wara bidu diżappuntanti fit-tmexxija teknika tat-tim, tant li wara seba’ match days tal-Malta Premier, Gżira United jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika, bi tliet punti biss mirbuħa u b’ebda rebħ ta’ partita.
Wieħed kien qed jistenna aktar minn Gżira United, speċjalment wara r-rivoluzzjoni sħiħa li saret fit-tim matul dan is-sajf, b’numru kbir ta’ akkwisti, u li wħud minnhom nafu x’potenzjal għandhom u x’kontribut jistgħu jagħtu lit-tim.
Ilbieraħ, kontra Żabbar St Patrick, Gżira United tilfu 2-0, u Naxxar Lions, it-tim li kien ankrat fl-aħħar post tal-klassifika qabel match day 7, issorprendew lil bosta b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra Sliema Wanderers. Din kienet l-ewwel rebħa għal Naxxar Lions, li tarhom jaqbżu lil Gżira United u m’għadhomx aktar l-aħħar fil-klassifika tal-Malta Premier.
Bl-aqwa skorer tal-Malta Premier tal-istaġun li għadda, Maxuell Maia fost l-akkwisti l-ġodda li għamlu Gżira United dan is-sajf, wieħed bilfors jissorprendi ruħu kif preżentament il-maroons hu t-tim li skorja l-anqas fil-Kampjonat; total ta’ erba’ gowls f’seba’ partiti. Huma għandhom it-tieni l-agħar difiża tal-Kampjonat, wara dik ta’ Mosta.
Gżira United s’issa sofrew 12-il gowl filwaqt li Mosta kkonċedew żewġ gowls aktar. Għaldaqstant l-aħbar tar-riżenja ta’ kowċ Mizzi, mhix sorpriża, la darba r-riżultati mhux talli ma kenux qed jinkisbu, iżda n-numri u l-istatistika miġbura s’issa, juru biċ-ċar li l-bidliet li ħadmu fuqhom Gżira United matul dan is-sajf, mhumiex jagħtu l-frott mixtieq.
Bħal dejjem, meta f’tim tal-futbol l-affarijiet ikunu sejrin ħażin, hu aktar prattiku li tbiddel il-kowċ milli tbiddel nofs il-plejers tat-tim. Fiċ-ċirkostanzi li jinsabu fihom il-Gżirjani, it-tmexxija amministrattiva tal-President tal-klabb, Sharlon Pace, mar għall-inqas waħda riskużja.
Il-ħatra ta’ Abdilla bħala s-suċċessur ta’ Mizzi, żgur li kienet l-aħjar waħda fis-sitwazzjoni preżenti, primarjament għaliex il-kowċ ta’ 46 sena, jaf sew l-ambjent ta’ Gżira United wara li mexxa lil dan it-tim għal numru ta’ snin, tant li dan se jkun it-tielet kapitlu ta’ Abdilla ma’ Gżira United.
Abdilla kien kowċ ta’ Gżira United f’238 partita, bil-maġġoranza ta’ dawn il-logħob kienu mirbuħa; 126 rebħa, 50 draw u 62 telfa. Il-medja ta’ punti li Abdilla rebaħ bħala kowċ ta’ Gżira United hu ta’ 1.80.
Abdilla b’hekk se jkun qed jirritorna ma’ Gżira United, fir-rwol ta’ kowċ, sena u tmien xhur wara li kien temm ħesrem it-tieni avventura tiegħu bħala kowċ tal-maroons fl-istaġun 2023/24.
//= $special ?>