Lokali Parlament

Tliet libreriji pubbliċi magħluqa f’Malta

Huma tlieta l-libreriji pubbliċi li jinsabu magħluqa madwar Malta u Għawdex. Dawn il-libreriji huma magħluqa minħabba raġunijiet varji.

Il-librerija ta’ Ħaż-Żebbuġ tinsab magħluqa minħabba li l-bini fejn qabel kienet tinsab il-librerija ta’ Ħaż-Żebbuġ ġie demolut sabiex isir spazju għal bini ġdid. Il-binja l-ġdida issa tinsab kważi lesta. Il-librerija l-ġdida ser tkun tinsab fis-sular tan-nofs.

Dik li tinsab f’Ħal Qormi, in-naħa ta’ San Ġorġ, tinsab magħluqa minħabba li l-iskola għadha għaddejja bix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-post. Malli jitlesta, il-librerija terġa’ tiftaħ.

F’Tas-Sliema, il-librerija wkoll hi magħluqa, minħabba xogħlijiet ta’ rinnovar fl-iskola fejn kienet tinsab. Qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati sabiex jinstab spazju alternattiv sakemm jitlesta l-bini tal-iskola u l-librerija tkun tista’ terġa’ lura fil-post tagħha oriġinali.

Fil-preżent, il-Librerija fil-Mellieħa għadha qed topera mill-istess post ġewwa l-iskola. Qed isiru diskussjonijiet dwar jekk il-Librerija tal-Mellieħa għandhiex tiġi trasferita f’waħda mill-mobile classes u toffri s-servizz minn hemm.

Din l-informazzjoni dwar kemm huma l-libreriji li fil-preżent jinsabu magħluqa ngħata fil-Parlament mill-Minisrtru Owen Bonnici, Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali; meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Julie Zahra.