Minflok, għandu jara li l-Promenade ta’ Ta’ Xbiex jerġa’ lura għand il-familji
Fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg, intqal li mjinkejja li l-Qorti kienet ċara u kategorika li l-permess tal-iżvilupp għal ristorant fuq il-Promenade ta’ Ta’ Xbiex kien maħruġ illegalment u kontra l-policies tal-ippjanar stess, il-Gvern baqa’ jsostni l-kunsens tiegħu għal żvilupp ta’ kafetterija fuq art pubblika.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna dan l-aġir tal-Gvern fil-każ tal-Capitainerie f’Ta’ Xbiex li huwa eżempju ieħor kif il-Gvern Laburista huwa mmexxi minn imnieħru mill-interessi tal-ftit, minflok mill-interess pubbliku.
Minflok ma l-Gvern jirtira l-kunsens tiegħu għal dan l-iżvilupp, jirrispetta s-sentenza tal-Qorti, u jara li l-art pubblika tiġi restawrata għal użu pubbliku, l-Awtorità tal-Ippjanar bil-kunsens tal-Awtorità tal-Artijiet qed taċċetta applikazzjoni biex iddur mad-deċiżjoni tal-Qorti li tannulla l-permess. L-applikazzjoni l-ġdida tagħmel l-istess ħsara lil dan l-ispazju miftuħ u hija simili għal ta’ qabilha, għajr għal ismijiet differenti tal-applikanti u tal-perit u li tinkludi kafetterija flok restaurant.
Il-Gvern b’hekk qed ikun parteċipi biex jiġu injorati s-sentenzi tal-Qorti. Dan mhux biss inaqqas il-fiduċja fi proċess ġust u trasparenti, imma jikkonferma li l-Gvern irid iċaħħad il-kenn li toffri l-Qorti liċ-ċittadini.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, li enfasizzaw il-ħtieġa ta’ istituzzjonijiet b’responsabbiltà vera biex iħarsu l-interess pubbliku. Minflok, l-Awtorità tal-Artijiet tat il-kunsens tagħha għal applikazzjoni li tmur kontra dan l-interess. L-Awtorità tal-Artijiet għandha twettaq l-obbligu tagħha u ma ssirx parti minn cover-up biex jiġu sanzjonati l-illegalitajiet.
L-art pubblika hi tal-poplu. Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex ikun ta’ eżempju u jara li l-promenade ta’ Ta’ Xbiex jiġi restawrat għall-familji u mhux użat għal skopijiet kummerċjali ta’ xi ħadd.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li s-sentenzi tal-Qorti jridu jiġu rispettati u li l-Gvern ma jistax ikun kompliċi biex idur mad-deċiżjonijiet tagħha. Il-PN se jibqa’ jagħmel pressjoni biex il-liġi tiġi osservata, biex l-Awtorità tal-Artijiet twettaq l-obbligi tagħha u biex il-poplu jerġa’ jgawdi l-ispazji li huma tiegħu b’dritt.
//= $special ?>