Internazzjonali

Il-militar Iżraeljan jissikka l-morsa fuq il-Ħamas fil-Belt ta’ Gaza

Qed jidher ċar li Iżrael mhux se jnaqqas mill-qilla tal-offensiva attwali mill-art fuq it-terroristi tal-Ħamas fil-Belt ta’ Gaza u l-madwar. Dan meta l-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu hu determinat li jeqred għal kollox l-aħħar fortizzi li fadal tal-istess terroristi.

Intant, mijiet tal-eluf  tal-Palestinjani ħarbu mill-akbar ċentru urban ta’ Gaza, fejn qed tiddomina sitwazzjoni ta’ ġuħ fuq livell straordinarju, skont il-konferma mingħand il-gruppi ta’ fejda bil-kuntatti man-Nazzjonijiet Uniti.

Iżrael qed jgħid li din iz-zona urbana spiċċat bħala l-fortizza ewlenija tal-Ħamas fost it-twissijiet kontinwi biex il-Palestinjani kollha jitilqu mill-inħawi.

Madankollu, fadal aktar mijiet ta’ eluf  ta’ Palestinjani fil-Belt ta’ Gaza, fejn il-kundizzjonijiet umanitarji huma mfissra bħala ‘terribbli’ u fejn qed jikkrollaw is-servizzi essenzjali kollha għall-għajxien.

Il-bumbardamenti fuq il-bini mhumiex qed jonqsu, bil-qawwiet tal-ajru Iżraeljani jolqtu viċin il-200 mira fil-Belt ta’ Gaza minn tmiem il-ġimgħa ‘l hawn. L-Iżraeljani qalu, intant, li qed jikkonċentraw l-attakki fuq il-bini u infrastruttura li qed jużaw il-Ħamas.

Filwaqt li rduppjaw is-sejħiet tal-komunità internazzjonali biex jieqaf il-ġlied ta’ Gaza, Iżrael għad għandu l-intenzjoni li jissikka l-morsa fuq il-Ħamas, bil-ħsieb li jelimina l-aħħar ħjiel ta’ reżistenza mit-terroristi. Messaġġ konkret li l-Prim Ministru Netanyahu reġa’ enfasizza waqt diskors, jiem ilu, fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, fi New York.

Il-militar Iżrael beda l-kampanja militari fil-Medda ta’ Gaza wara li l-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023, wettaq il-massakri tal-familji u riservisti tal-Armata wara li infiltra t-territorji tal-Iżraeljani għal Jum ta’ Dmija storiku.

Fil-massakri nqatlu 1,200 persuna, b’251 jinħatfu bħala ostaġġi mill-Ħamas – b’uħud minn dawn għadhom sal-lum miżmumin f’Gaza.

Minn dakinhar ‘il hawn, mifhum li mietu tal-anqas 66,000 –  terroristi u ċivili – waqt l-attakki Iżraeljani fuq Gaza; biċ-ċifri ma jistgħux ikunu konfermati mill-ġurnalisti barranin li huma projbiti milli jidħlu fiz-zoni tal-gwerra.