Il-Moldova – Eks Repubblika Sovjetika – għamlet pass kbir ‘il quddiem lejn is-sħubija eventwali fl-Unjoni Ewropea. Dan wara li l-partit politiku ‘pro-Ewropa’ tal-President Maia Sandu rebaħ maġġoranza ġdida fl-elezzjonijiet parlamentari tal-Ħadd. Elezzjonijiet li kienu mill-aktar kritiċi għad-destin tal-Moldova.
Sandu, fl-aħħar ġranet, wissiet kemm-il darba dwar ‘l-indħil kontinwu tar-Russja’ fil-proċess elettorali ta’ pajjiżha meta Moska, akkost ta’ kollox, ma tridx li l-Moldova, ġar tal-Ukrajna u r-Rumanija, tavviċina aktar lill-UE.
Igor Grosu, il-Kap tal-Partit għall-Azzjoni u Solidarjetà (PAS) ta’ Sandu, fl-aħħar sigħat, sostna li r-Russja ppruvat kull tattika għad-diżpożizzjoni tagħha biex tiċħad lill-votanti li jridu r-rabtiet eqreb mal-Ewropa. Dan ukoll meta l-PAS kiseb ftit aktar minn 50 fil-mija tal-vot u d-dritt li jiggverna lill-Moldova matul ix-xhur u snin li ġejjin.
L-elezzjonijiet u s-sigħat wara l-għeluq tal-vot, sadanittant, kienu karatterizzati bit-tensjoni f’Chisinau, il-kapitali tal-Moldova. Dan ukoll fost rapporti infondati dwar bombi fil-postijiet tal-votazzjoni għall-espatrijati li qegħdin jgħixu fl-Italja, ir-Rumanija, Spanja u l-Istati Uniti. Każi ta’ theddid simili kienu rappurtati anki fil-Moldova, fejn inżammu arrestati numru ta’ persuni fuq suspett li kienu qed jippjanaw l-inkwiet.
Fl-istess ħin, Igor Dodon, il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Moldova b’simpatiji mar-Russja, kien ħareġ jgħajjat ‘bir-rebħa’ sa minn qabel bdew deħlin ir-riżultati. Hu, fl-aħħar sigħat, organizza l-protesti barra l-bini tal-Parlament fil-kapitali u li għalihom attendew biss numru żgħir ta’ nies, fil-parti kbira pensjonanti.
L-osservaturi, intant, qed jirreferu għat-trijonf tal-PAS bħala wieħed ‘enfatiku’; fost l-indikazzjonijiet li dan il-partit kiseb id-doppju tal-voti miksuba mill-Blokk Elettorali Patrijottiku – l-entità rivali li tappoġġja lir-Russja.
Il-konkorrenza tal-votanti, indikata mat-52 fil-mija, kienet l-ogħla fil-Moldova għal ħafna snin – bil-President tal-Kummissjoni Eweropea, Ursula von der Leyen, tesprimi sodisfazzjon għar-riżultat, fost stqarrija li ‘il-poplu (tal-Moldova) għamel ċari l-preferenzi tiegħu favur l-Ewropa, id-demokrazija u l-libertà’.
Stqarrijiet simili ngħataw mill-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
Tusk qal li l-President Sandu salvat id-demokrazija minbarra li evitat sitwazzjoni fejn ir-Russja tassumi kontroll tar-reġjun kollu. Zelensky, intant, sostna li ‘l-elezzjonijiet fil-Moldova irriżultaw ‘f’disfatta għall-kampanja ta’ Moska biex tiddistabbilizza lill-Ewropa tal-Lvant.’
Il-messaġġ tal-Kremlin, għall-kuntrarju, kien li ‘mijiet tal-eluf ta’ nies mill-Moldova li huma residenti fir-Russja spiċċaw miċħuda mid-dritt tal-vot f’dawn l-elezzjonijiet’.
Intant, il-PAS ta’ Sandu mhux se jkollu bżonn ta’ alleanzi mal-partiti oħrajn biex jifforma Gvern, ġaladarba kiseb il-maġġoranza fil-Parlament magħmul minn 101 deputati.
//= $special ?>