Lokali

“Inwarrbu d-differenzi tal-blu u l-aħmar u nħarsu lejn l-interess tal-poplu” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

“Aħna nemmnu li l-ambjent għandu jiġi salvagwardjat, irridu naraw li d-deċiżjonijiet li nieħdu illum ikunu ta’ ġid mhux biss fil-preżent iżda għal ġenerazzjonijiet futuri Maltin u Għawdxin.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt intervista fuq il-programm Net Live hekk kif saħaq li huwa ħass li nhar il-Ħamis, 2 ta’ Ottubru, l-Oppożizzjoni u l-Parlament fl-intier tiegħu jiddiskutu l-proposta mbottata mill-Partit Nazzjonalista li l-ambjent ikun dritt kostituzzjonali.

Huwa saħaq  li din mhux kwistjoni ta’ blu jew aħmar u f’din il-kwistjoni huwa imperattiv li nwarrbu kwalunkwe differenzi li jkun hemm jitħares biss l-interess tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista fuq żvilupp sostenibbli li jimxi id f’id mar-rispett ambjentali u mhux ikunu fi ġlieda kostanti – fejn saħaq dwar il-bżonn mhux biss ta’ ambjent sostenibbli f’pajjiżna iżda wkoll ta’ żvilupp sostenibbli.

Huwa saħaq li bħala politiċi għandhom responsabbiltà li jieħdu ħsieb mhux biss il-familji preżenti iżda wkoll lil dawk li se jiġu warajhom.

Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li din il-proposta jixtieqha tiġi implimentata illum qabel għada, anke taħt Gvern Laburista għaliex l-interess tiegħu mhux wieħed partiġjan iżda fl-interess tal-poplu.

Alex Borg sostna li l-familja hija fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista – u għaldaqstant qiegħed kontinwament jimbotta miżuri immirati sabiex ħadd ma jitħalla lura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista fuq il-bżonn li l-Gvern ikun ta’ spalla mhux biss maż-żgħażagħ f’dak li għandu x’jaqsam housing affordabbli iżda wkoll li joħloq ambjent sabiex koppja tħossha komda tkattar aktar tfal.

Huwa spjega li dak kollu li huwa pożittiv fil-budget għas-sena d-dieħla se jkun qiegħed jappoġġjah, għaliex jemmen f’politika ta’ interess nazzjonali li jġib il-poplu l-ewwel u qabel kollox.

Rigward x-Shadow Cabinet preżentat il-Ħadd, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li din hija wirja ta’ oppożizzjoni dinamika li lesta sabiex tkun Gvern Alternattiv.

Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq li fl-aħħar ġimgħat qed jara pożittività u entużjażmu ġdid – kemm f’laqgħat mal-imsieħba soċjali kif ukoll f’kuntatt kontinwu mal-poplu Malti u Għawdxi  – grazzi għal politika ġdida li tattira n-nies.