Lokali Qorti

It-tabib Josie Muscat, Erin Tanti u s-sieħba tiegħu akkużati b’IVF illegali

It-tabib Josie Muscat, Erin Tanti li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ 20 sena ħabs fuq qtil u s-sieħba tiegħu Marisa Gallo wieġbu mhux ħatja ta’ akkużi serji wara li allegatament saru proċeduri ta’ inseminazzjoni artifiċjali f’ċirkostanzi li ma kinux konformi mal-liġi u mal-qafas regolatorju strett li jistabbilixxi l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

Il-proċeduri bdew jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana f’każ li jiftaħ kapitlu kompletament ġdid fil-qasam tal-liġi kriminali Maltija relatat mal-prokreazzjoni assistita. Skont l-akkużi, Erin Tanti, li bħalissa qiegħed jiskonta sentenza ta’ 20 sena ħabs wara li ammetta fl-2019 li qatel lil Lisa Maria Zahra, wettaq proċedura ta’ fertilizzazzjoni waqt li kien taħt sentenza u mingħajr il-permessi meħtieġa.

F’din il-proċedura, li allegatament kienet tinkludi l-użu tal-isperma tiegħu, jidher li kien hemm involviment ta’ persuni oħrajn li ffaċilitaw jew assistew, fosthom it-tabib Josie Muscat li, skont l-investigazzjonijiet, mhux biss ta pariri u direzzjoni dwar kif kellha ssir, iżda wkoll offra spazju li ma kienx liċenzjat għall-użu fil-qasam tal-prokreazzjoni assistita u ma żammx ir-reġistri li l-liġi tobbliga biex jinżammu.

Min-naħa tagħha Marisa Gallo, bħala s-sieħba ta’ Tanti, kienet il-persuna fuq liema allegatament ġiet esegwita l-inseminazzjoni. L-investigazzjonijiet bdew fl-5 ta’ Mejju 2024 meta l-awtoritajiet tal-ħabs infurmaw lill-Pulizija li kien hemm suspett ta’ abbuż mediku minn Tanti.

Kienu ġew analizzati numru sostanzjali ta’ telefonati li saru mill-ħabs, madwar 80 konversazzjoni, li fihom issemma’ b’mod ċar il-proċess li kien qed isir. F’dawn it-telefonati ħarġu ismijiet ta’ żewġ membri mill-kamp mediku tal-ħabs,

It-tabib Christopher Cremona u l-infermiera Maria Dolores Spiteri, li kienu qed jissemmew bħala parti mill-mekkaniżmu biex isir il-proċess, speċifikament fit-trasferiment tal-isperma barra mill-ħabs. L-ispettur Lydon Zammit, meta ta x-xhieda tiegħu, spjega li dawn iż-żewġ persuni fil-fatt ġew investigati iżda l-awtoritajiet ma kellhomx intenzjoni li jittieħdu passi kriminali kontrihom.

Huwa spjega wkoll li Tanti kien qed jallega li kellu approvazzjoni biex jipproċedi, iżda din l-approvazzjoni ma kenitx ġiet iċċertifikata jew awtorizzata b’mod formali kif titlob il-liġi. Rigward ir-rwol tat-tabib Muscat, l-ispettur spjega li ismu kien imsemma b’mod dirett f’dawn il-konversazzjonijiet u li kien infurma lit-tabib tal-ħabs dwar kif għandu jitmexxa l-proċess qabel il-kampjun tal-isperma jasal fl-isptar tiegħu, St James Hospital, li huwa jmexxi.

Muscat kien ġie arrestat fid-19 ta’ Mejju u matul l-interrogazzjoni tiegħu sostna li ma setax jagħti dettalji dwar il-klijenti tiegħu minħabba li kien marbut bis-sigriet professjonali tal-professjoni medika. Huwa spjega biss f’termini ġenerali x’jikkonsisti l-proċess tal-inseminazzjoni artifiċjali.

Din il-pożizzjoni tiegħu qajmet diskussjoni fuq kemm jista’ jkun validu jew le dan l-argument tas-sigriet professjonali meta jkun hemm allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ liġi kriminali. Fuq livell legali, il-każ jitqies bħala wieħed mingħajr preċedent għaliex qatt qabel Malta ma rat akkużi kriminali f’dan il-qasam, u għalhekk se jservi bħala test importanti kemm għall-prosekuzzjoni kif ukoll għad-difiża.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużati emmnu li dawn setgħu jagħmlu din il-proċedura fil-privat minħabba li ma kellhom aċċess li jagħmlu l-intervent b’xejn, jiġifieri li l-istat joffrilhom tali assistenza.

Il-prosekuzzjoni se jkollha l-kompitu li tipprova li l-proċedura saret b’mod illegali, f’post mhux awtorizzat u mingħajr il-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet li l-liġi titlob. Min-naħa l-oħra, id-difiża tista’ ssostni li kien hemm ftehim jew approvazzjoni, li d-dritt fundamentali ta’ Tanti li jifforma familja qed jiġi miksur, jew li r-responsabbiltajiet ta’ Josie Muscat u tal-oħrajn kienu limitati u ma jaqgħux taħt il-kriterji ta’ responsabbiltà kriminali.

Il-preżenza ta’ Tony Zahra, missier il-vittma fil-każ ta’ qtil ta’ Tanti, fl-awla waqt dawn il-proċeduri, tagħti wkoll dimensjoni emozzjonali u simbolika lill-proċess, minħabba l-istorja kriminali ta’ Tanti u l-kuntest traġiku li fih tinsab il-familja Zahra.

Il-kawża ġiet differita għad-9 ta’ Ottubru 2025. L-iżviluppi li jmiss se jkunu kruċjali biex jiddeterminaw jekk il-Qorti hix se tistabbilixxi kriterji ġodda dwar kif għandu jiġi trattat il-qasam sensittiv tal-prokreazzjoni assistita, speċjalment meta l-proċeduri jsiru f’ċirkostanzi mhux tas-soltu bħalma huma dawn, jiġifieri bl-involviment ta’ priġunier u ta’ professjonisti mediċi li allegatament aġixxew barra mill-parametri tal-liġi.

Għat-tabib Josie Muscat, dehru l-Avukat Jason Azzopardi, Nicolai Bugeja u Joseph Bugeja. Għal Erin Tanti u s-sieħba tiegħu dehru l-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Stephen Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Lydon Zammit.

Il-każ se jkompl jinstema’ fid-9 ta’ Ottubru fl-10am.