Lokali

It-tieni interconnector mal-Italja hu riżultat tal-viżjoni fit-tul li kellu l-Partit Nazzjonalista fil-gvern

Proġett li qed isir realtà bis-saħħa tal-fondi Ewropej għax Malta llum hija membru tal-UE

It-tqegħid tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija huwa riżultat tal-istrateġija u l-politika fit-tul adottata minn diversi Gvernijiet Nazzjonalisti biex pajjiżna jkollu provvista tal-enerġija elettrika ta’ min jorbot fuqha li ssostni l-ekonomija.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li l-proġett li marru jżuru fl-aħħar jiem f’Ragusa l-Ministri Miriam Dalli u Stefan Zrinzo Azzopardi qed isir realtà grazzi għall-fondi Ewropej li ġew minħabba li Malta llum hija membru tal-Unjoni Ewropea. Li kieku għaddiet tal-Partit Laburista u ma dħalniex fl-UE, dawn il-fondi, u ħafna fondi oħra għal proġetti li pajjiżna seta’ jwettaq f’dawn is-snin kollha li Malta ilha membru, ma kinux jiġu.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għas-Sigurtà Soċjali u l-Fondi Ewropej Graham Bencini, qalu li sa minn qabel l-2013, l-Enemalta ppjanat biex pajjiżna jkollu żewġ interconnectors. Il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni kien reġa’ ppropona t-tieni interconnector fl-2020.

L-iżvilupp li għaddej illum seta’ seħħ snin ilu li kieku Gvern Laburista żamm ma’ dan il-pjan, u ma kienx ikollna bżonn nonfqu €37 miljun biex ikunu l-generators biex inkabbru l-provvista tal-powerstation tal-Electrogas, iddikjarata bħala monument tal-korruzzjoni mill-Qrati Maltin.