Lokali Qorti

Jibda għaddej ġuri bil-magħluq fuq stupru f’latrina fiż-Żejtun

Libjan ta’ 43 sena, residenti fiż-Żejtun, beda għaddej ġuri bla ġurati quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera akkużat li stupra darbtejn lill-eks sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Maltija f’latrina fiż-Żejtun. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fejn huwa mixli li wettaq att ta’ penetrazzjoni sesswali fuq l-allegata vittma kontra r-rieda tagħha fil-lejl bejn it-3 u r-4 ta’ Frar ta’ sentejn ilu.

Il-ġuri kellu jibda filgħodu iżda l-allegata vittma għal xi raġuni kienet għadha ma dehritx fl-awla numru 29 tal-Qorti fejn qed isir il-ġuri u għalhekk dan ġie pospost għas-1pm. Hekk kif kien se jibda l-ġuri l-prosekuzzjoni talbet biex dan jinstema’ bil-magħluq fid-dawl tal-fatt li l-koppja għandhom wild bejniethom. Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat lill-media biex toħroġ mill-awla.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid li l-vittma kienet qed tistenna tarbija mill-imputat meta seħħ l-att, li allegatament beda għall-ħabta tal-11pm u baqa’ sejjer sat-3am. Huwa allegatament ordnalha tpoġġi fuq it-toilet tal-latrina u ma tiċċaqlaqx minn hemm, u beda jsawwatha fuq rasha u fuq għajnejha, waqt li heddidha li kien se joqtolha.

L-istupru allegatament seħħ darbtejn f’dak il-lejl, u filwaqt li l-mara bdiet tgħidlu biex jieqaf, huwa baqa’ sejjer. Il-vittma bdiet ukoll tgħajjat għall-għajnuna, iżda l-imputat allegatament qabadha mill-gerżuma biex tieqaf tgħajjat. Wara dan, hu staqsieha jekk tridx sigarett, li kienet aċċettat bil-premessa li ma tibqax imsakkra fil-latrina kontra r-rieda tagħha.

Skont il-prosekuzzjoni, l-imputat wettaq dawn l-attakki waqt li kien bil-libertà proviżorja fuq każ ieħor, li jagħmluh bħala riċediv. Barra minn hekk, huwa akkużat li ssekwestra lill-vittma kontra r-rieda tagħha u wettaq atti sesswali mingħajr kunsens.

L-Avukat Ġenerali qed jgħid ukoll li ġimgħa wara l-istupru, fil-Mosta, l-imputat ikkaġuna ferita ħafifa fuq il-vittma wara li fil-handbag tagħha sab lighter li kienet ta’ sieħbu u beda jaħaseb ħażin fl-allegata vittma. Huwa allegatament ukoll waddblilha xi ġebel u laqatha f’sieqha, imbuttaha fuq ċint u beda joffendiha. Il-vittma rnexxielha taħrab għall-ħanut Lidl tal-Mosta, fejn l-imputat dak il-ħin allegatament beda jheddidha bil-mewt.

L-evidenza li se tinstema’ fil-qorti mistennija tinkludi x-xhieda diretta tal-vittma kif ukoll rapporti mill-Pulizija li mexxew l-investigazzjoni. L-Avukat Ġenerali qed jitlob li f’każ ta’ ħtija fir-rigward tal-istupru l-imputat jiġi kkundannat għal perjodu ta’ bejn tmienja u 40 sena ħabs. Fuq l-akkużi l-oħra qed tintalab ukoll piena ta’ ħabs inqas twila u f’xi każijiet jingħata wkoll multa.

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima u Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-każ kien investigat mill-Ispettur John Spiteri.