Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li ta daqqiet ta’ sikkina lil mara fis-Swieqi

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, żammet taħt arrest preventiv raġel ta’ 32 sena li ġie mixli b’attentat ta’ qtil wara li allegatament ta diversi daqqiet ta’ sikkina lil mara fis-Swieqi nhar is-Sibt. L-akkużat ġie mixli li kkawża ġrieħi gravi b’arma bil-ponta, kif ukoll li hedded u insulta lill-vittma. Kontra tiegħu hemm ukoll akkuża ta’ reċidiva. jiġifieri li wettaq l-allegati reati wara kundanni preċedenti.

Mill-provi preliminari ħareġ li l-inċident seħħ ħdejn l-entrata ta’ blokka ta’ appartamenti meta l-vittma niżlet biex tiġbor ikla li kienet ordnat bil-kunsinna. Kien f’dak il-mument li l-aggressur, li kien liebes balaklava, allegatament attakkaha u kkawżalha diversi ġrieħi.

Il-prosekuzzjoni, rappreżentata mill-avukat Jennifer Polidano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Dylan Pace, spjegat li l-vittma bħalissa tinsab l-isptar iżda wara li tkun irkupret mill-ġrieħi se tkun qed tagħti x-xhieda tagħha.

Min-naħa tad-difiża, l-avukat Charles Mercieca talab li l-prosekuzzjoni tissejjaħ il-vittma biex tixhed fl-ewwel opportunità disponibbli, hekk kif ix-xhieda tagħha hi essenzjali għall-każ. Il-Qorti semgħet ukoll lill-avukati Marion Camilleri u Anthea Bonnici Zammit, li dehru f’isem il-vittma.

Dawn talbu li l-ismijiet tal-vittma u tal-akkużat ma jiġux ippubblikati, billi huma għandhom tfal żgħar li għadhom mhumiex konxji li ommhom kienet vittma ta’ attakk serju. L-Ispettur Pace qal li l-vittma kienet ilha taf lill-agressur għal xi jiem minħabba li dan kien qed ikun fid-dar tas-sieħeb tagħha.

Il-Qorti laqgħet it-talba biex tiġi protetta l-identità tat-tfal tal-vittma u ordnat ordni ta’ protezzjoni favurha. Il-Qorti ordnat ukoll li l-akkużat jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv filwaqt li l-proċess kriminali jkompli.