Lokali

Kors dwar l-Approċċ ta’ Coaching għall-Adulti bl-ADHD

Qed jiġu aċċettati applikazzjonijiet għall-kors dwar l-Approċċ ta’ Coaching għall-Adulti bl-ADHD, li barra minn Malta qed isir dejjem aktar popolari fost ħaddiema fil-qasam soċjali, ħaddiema maż-żgħażagħ, edukaturi, konsulenti, kowċis tal-isport u tax-xogħol, kif ukoll impjegati fir-Riżorsi Umani, b’riżultati pożittivi fit-tul.

Adulti Maltin b’Attention Deficit Hyperactive Disorder (ADHD) jesperjenzaw nuqqas ta’ għarfien u stigma fl-ambjent tagħhom ta’ kuljum, simili għal pajjiżi Ewropej oħra. ADHD Malta taħdem favur l-inklużjoni u tqis dawn il-korsijiet ta’ taħriġ bħala ta’ benefiċċju kemm għall-professjonisti lokali kif ukoll għall-komunità lokali tal-ADHD.

Il-kors jagħti opportunità lill-parteċipanti biex japplikaw dan l-istil ta’ coaching fix-xogħol tagħhom. Sal-aħħar tal-kors, ikollhom bażi soda ta’ għarfien dwar il-coaching għall-adulti bl-ADHD, jiksbu ħiliet biex isiru aktar effettivi u ta’ sostenn fix-xogħol tagħhom mal-klijenti, studenti jew pazjenti, u jitgħallmu kif jaħdmu flimkien b’mod aktar produttiv. Ikunu jistgħu jikkomunikaw aħjar, jidentifikaw sfidi u saħħiet uniċi, jesploraw għażliet, u japplikaw strateġiji jew mudelli.

Dan il-kors, akkreditat nazzjonalment, jikkonsisti f’10 sessjonijiet ta’ tliet sigħat kull waħda, li jsiru matul il-ġimgħa bejn it-3 u l-14 ta’ Novembru 2025 (id-dati huma proviżorji sakemm ma jkunux ikkonfermati mill-inqas tmien parteċipanti f’kull grupp) fl-istitut STC Higher Education, Pembroke.

Il-workshops interattivi jsiru bejn id-9.15 am u 12.15 pm jew bejn it-2.30 pm u l-5.30 pm. L-għalliema tal-kors hija Marie Enbäck, filwaqt li Carola Stivala se tagħti lezzjoni introduttorja dwar is-sitwazzjoni storika lokali tal-ADHD, l-attivitajiet tal-grupp ta’ appoġġ ADHD Malta u s-sitwazzjoni attwali fl-Ewropa għal persuni li jgħixu bl-ADHD.

Il-kors se jsir bl-Ingliż, idum tliet xhur u wara l-ewwel 30 siegħa ta’ lezzjonijiet u workshops, il-bqija tal-ħin tal-kors jitlesta permezz ta’ studju individwali tal-materjal tal-kors, żewġ kotba obbligatorji, tliet assignments bil-miktub u 12-il siegħa ta’ sessjonijiet ta’ prattika ta’ peer coaching.

Il-parteċipanti se jirċievu ċertifikat ta’ ‘Award in The ADHD Adult Coaching Approach’ (5 ECTS/MQF Level 5) wara li jlestu b’suċċess l-attendenza (85%) u l-assignments.

L-għalliema tal-kors, is-Sinjura Enbäck, hija Master Certified ADHD Coach (MCAC), gradwata mill-ADD Coaching Academy (USA). Hija ilha tmexxi l-prattika tagħha mill-2008. Barra l-coaching, organizzat ukoll konferenzi dwar l-ADHD għal professjonisti b’kelliema internazzjonali. Hija tmexxi netwerk mhux għall-profitt għal persuni bl-ADHD u professjonisti, u għandha impenji ġewwa u barra l-Iżvezja bħala konsulenta indipendenti.

F’dawn l-aħħar ħames snin qed tmexxi proġett għall-adulti bl-ADHD fin-Norveġja. F’dak il-proġett, is-Sinjura Enbäck kitbet il-materjal ta’ studju għal ‘ADHD Adult Group Coaching’, u mexxiet ukoll il-gruppi hi stess. Id-dokumentazzjoni u l-konklużjonijiet minn dawn il-gruppi jindikaw b’mod ċar li l-coaching tal-ADHD jista’ jwassal għal progress u ħajja aktar sodisfaċenti għall-adulti bl-ADHD.

Il-miżati tal-kors, li jridu jitħallsu kollha mal-applikazzjoni (https://forms.gle/nzjfq2A2xsKKNXzv9 – id-data tal-għeluq hija s-6 ta’ Ottubru), jinkludu l-fajl u l-materjali tal-kors, journal/ktieb tan-noti, iċ-Ċertifikat tal-Award tal-Kors u sħubija ‘professjonali’ b’xejn ta’ ADHD Malta. Attività soċjali għall-grupp se ssir fl-aħħar jum tal-lezzjonijiet.

Il-kors huwa rreġistrat għall-iskema Get Qualified. Ladarba l-parteċipant itemm b’suċċess il-kors, id-dokumenti kollha meħtieġa jiġu pprovduti minn ADHD Malta u STC.