Lokali Qorti

L-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd mixlija fuq racket ta’ esportazzjoni tat-tonn

Il-kawża kontra l-eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd Andreina Fenech Farrugia u kontra d-direttur ta’ Malta Fish Farming Ltd Giovanni Ellul kompliet tiżvela xenarju ta’ skandlu ta’ proporzjonijiet internazzjonali relatat mal-esportazzjoni illegali tat-tonn lejn Spanja.

Il-prosekuzzjoni akkużat lil Fenech Farrugia b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus, kummerċ fl-influwenza u żvelar ta’ sigrieti uffiċjali, filwaqt li Ellul wieġbet mhux ħatja ta’ ħasil ta’ flus, parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz, u dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika.

L-investigazzjonijiet bdew fi Spanja wara li numru ta’ konsumaturi ħassewhom ħażin fiżikament wara li kielu tonn u li sussegwentement irriżulta kien fih livelli għoljin ta’ kimiċi perikolużi għall-bniedem. Minn hawn bdiet ‘Operation Tarantello’ immexxija mill-Guardia Civili, li kienet qed tinvestiga kif il-kunsinni tat-tonn kienu jaslu l-ewwel lejn Marseilles fi Franza u mbagħad jiġu trasferiti lejn Valencia.

L-Ispettur Colin Sheldon spjega kif fl-2018 attenda laqgħa f’Madrid organizzat mill-Guardia Civili dwar din l-operazzjoni. Huwa qal li waqt li tonn b’dokumentazzjoni korretta (BCD – Bluefin Tuna Catch Documentation) kien qed jiġi esportat legalment bl-ajru minn Malta lejn Ruma u mbagħad lejn Spanja, kien hemm ukoll kontenituri sħaħ li kienu jitħaddmu b’numri ta’ identifikazzjoni duplikati biex jagħtu l-impressjoni ta’ legalità.

Waqt il-laqgħa Spanjola, José Fuentes Garcia kien deskritt bħala “the head of illegalities”. Sheldon xehed kif il-pulizija Spanjola kienu interċettaw telefonati ta’ Fuentes Garcia, u fihom instab li kien qed jikkuntattja mara Maltija f’kariga għolja – referenza għal Fenech Farrugia – li kienet tuża SIM card tiegħu biex tagħmel telefonati u tkellmu bil-lingwa Spanjola b’accent Franċiż.

L-Ispettur Doriette Cuschieri spjegat kif dak iż-żmien kienet fl-Economic Crimes Unit meta rċeviet żewġ rapporti ta’ kriminalità mingħand Fenech Farrugia stess dwar Mare Blu u Fish and Fish. Dawn ġew wara spezzjonijiet fuq il-pensijiet tat-tonn fejn instabu diskrepanzi serji bejn ir-reġistrazzjonijiet uffiċjali u l-kwantità reali ta’ ħut fil-pensijiet.

Rapporti bħal dawn wasslu biex il-Maġistrat Gabriella Vella fetħet inkjesta li mbagħad ġiet estiża għal kull ‘farm’ tat-tonn f’Malta, bl-għajnuna ta’ diversi esperti. Cuschieri flimkien ma’ Vella u l-Ispettur Elliot Magro attendiet ukoll laqgħa fi Spanja fejn ġew informati dwar kuntenituri mibgħuta minn Malta permezz ta’ kumpanija Maltija, Express Trailers, li kienu qed jiġu ddikjarati biss bħala “fresh fish”.

L-Ispettur Magro kkonferma li l-iskema kienet tibbaża fuq l-użu tal-istess BCD fuq kunsinji differenti. Dan id-dokument suppost kien uniku għal kull ħuta u jinkludi informazzjoni fuq il-post fejn inqabad, fejn inżamm u l-istorja kollha tiegħu. Minħabba l-abbuż, il-BCD tal-ħut esportat bl-ajru kienu qed jintużaw mill-ġdid fuq ħut mibgħut bil-baħar lejn Franza u mbagħad Spanja.

Mill-investigazzjonijiet Spanjoli ħarġu wkoll ritratti ta’ trakkijiet bil-pjanċi Maltin li kienu qed iwasslu dawn il-kunsinni lejn maħżen illegali fi Spanja. F’Ġunju 2018 instabet kwantità kbira ta’ tonn mhux iddikjarat. Il-kunsinni kienu jinkludu 49 vjaġġ, fosthom 38 esportazzjoni minn Malta lejn Spanja u 11-il importazzjoni lejn Malta.

L-Ispettur Clive Abela spjega kif ġew mitluba dokumenti mingħand Express Trailers li kienu juru kif il-kontenituri kienu qed jitgħabbew u jiġu ssiġillati minn Ellul f’Marsaxlokk. Għalkemm kienu ddikjarati bħala “ħut frisk”, kieku waqfu waħda minn dawn il-kunsinni, il-vetturi kienu jippreżentaw dokumentazzjoni BCD li suppost kienet valida, iżda fil-fatt kienet duplikata.

It-telefonati interċettati juru wkoll relazzjoni diretta bejn Fenech Farrugia u Fuentes Garcia. F’konversazzjonijiet li nqraw fil-Qorti, hija qaltlu “se ngħid lil Giovanni [Ellul] biex imur għand l-politiku hu biex jagħmel pressjoni… hekk ħadd ma jista’ jgħid xejn fuqi” u fi messaġġ ieħor kitbitlu: “Jien qiegħda l-Bulgarija biss għalik. Int trid tħallasni għax għandi laqgħa mad-direttur ġenerali ta’ Brussell.” F’konversazzjoni oħra qaltlu “sakemm narak, ma ngħidlek xejn fuq ix-xogħol”.

Mill-analiżi finanzjarja ħarġu ħames kontijiet bankarji f’isem Fenech Farrugia: kont ta’ tfaddil, wieħed kurrenti u tliet kontijiet konġunti ma’ żewġha għal kull wild tagħhom. Ġie osservat li l-kontijiet tat-tfal kienu jirċievu madwar €2,000 fix-xahar mingħand in-nanniet, iżda dawn il-flus kienu jitmexxew immedjatament fil-kontijiet tagħha.

Fenech Farrugia spjegat li kienet qed tinvesti l-flus tal-ulied f’propjetà u li dawn id-depożiti kienu jinkludu wkoll qligħ minn lezzjonijiet privati u kiri ta’ proprjetà. Il-pulizija, madankollu, sostnew li kien suspettuż kif id-depożiti kienu dejjem jitneħħew minnufih u li kumpanija għall-immaniġġjar tal-proprjetà ġiet stabbilita biss fl-2024, minkejja li l-proprjetajiet kienu nxtraw ferm qabel.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ikkonkludiet li kien hemm każ li l-akkużati kellhom iwieġbu għalih. Il-prosekuzzjoni kienet rappreżentata mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Andrea Zammit u Alessia Schembri assistiti mill-Ispettur Abela, filwaqt li Fenech Farrugia kienet difiża mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Daniel Attard. Ellul u l-kumpanija tiegħu kienu rappreżentati mill-avukat Stephen Tonna Lowell.

Il-kawża se tkompli fid-9 ta’ Novembru, u hija mistennija tkompli tiżvela l-firxa ta’ dan in-netwerk kriminali internazzjonali u l-allegat involviment dirett ta’ uffiċjali Maltin f’sistema ta’ traffikar illegali tat-tonn li setgħet kellha wkoll konsegwenzi serji għas-saħħa pubblika.