Lokali Qorti

Mhux ħati li bi traskuraġni weġġa’ gravi mara f’inċident bejn karozza u mutur

Raġel ta’ 49 sena ġie illiberat minn akkużi li kkaġuna ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku għaliex il-Qorti nnutat kunflitt fl-evidenza waqt il-provi. Kevin Abdilla mill-Imqabba kien akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq Mariella Tabone li kienet riekba fuq mutur u involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ fis-16 ta’ Lulju 2023 fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun, Mellieħa.

Ix-xhieda tal-vittma u ta’ żewġha, li kienu fuq il-mutur, kienu jgħidu li Abdilla ħareġ quddiemhom u kkawża l-ħabta. Min-naħa l-oħra, Abdilla insista li kien diġà kważi qasam it-triq u li l-mutur deher ġej fuqu mill-“wrong side” wara li qabeż karozza tal-linja.

Ix-xhieda l-oħra fil-karozza tiegħu ma setgħux jagħtu verżjoni ċara tal-ħabta, u l-verżjoni ta’ Ivan Tabone dehret ibbażata aktar fuq assunzjonijiet milli fuq osservazzjoni diretta. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace rrimarkat li dawn il-kontradizzjonijiet ma tawx stampa ċara ta’ kif seħħ l-inċident u għalhekk ma setgħetx tgħid lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kienet responsabbiltà ta’ Abdilla li kkawża l-ġrieħi gravi. Għaldaqstant, Abdilla ġie illibertat mill-akkuża.

Il-prosekuzzjoni sostniet li Abdilla kien qed isuq vettura u bi traskuraġni jew nuqqas ta’ ħila kkawża l-kolliżjoni mal-mutur misjuq minn Ivan Tabone li fuqu kienet riekba l-mara tiegħu Mariella, li sofriet ksur ftit ‘l isfel miż-żaqq, fil-kustilji u fil-ħanek. It-tabiba Dr. Rachelle Attard ikkonfermat dawn il-korrimenti bħala ġrieħi gravi.

Ix-xhieda tal-prosekuzzjoni u tad-difiża kienet tinkludi diversi persuni, fosthom il-vittma Mariella Tabone, li qalet li ftakret biss il-mument li ntefgħet minn fuq il-mutur u sabet ruħha l-isptar. Żewġha Ivan Tabone sostna li Abdilla ħareġ minn naħa tal-Mistra Village u ġie direttament fuqu, għalkemm ammetta li ma laħaqx ra ċar minħabba l-impatt qawwi.

Xhieda oħra li kienu passiġġieri fil-karozza ta’ Abdilla, fosthom martu u oħtha, qalu li ma rawx eżatt x’ġara iżda semgħu biss ħoss ta’ ħabta. Filwaqt li l-prosekuzzjoni talbet ukoll skwalifika mil-liċenzja tas-sewqan u tnaqqis ta’ punti, il-Qorti osservat li l-provi kollha prodotti kienu kontradittorji.

Il-verżjonijiet tas-sewwieq tal-mutur u tal-akkużat kienu jikkuntrastaw, b’mod partikolari dwar jekk il-mutur qabiżx karozza tal-linja u kien viċin wisq tal-linja tan-nofs jew inkella jekk l-imputat ħariġx b’mod perikoluż minn toroq sekondarji.

Il-Qorti qieset li dawn il-kontradizzjonijiet ma ppermettewx stampa ċara u konklużiva dwar kif seħħ eżatt l-inċident u għalhekk ma setgħetx tikkonkludi lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kienet responsabbiltà ta’ Abdilla li kkawża l-korrimenti.