Peter Agius
Membru Parlamentari Ewropew f’isem
il-Partit Nazzjonalista
Matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza fI Pjazza Tritoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg indirizza wkoll l-ilmenti taż-żgħażagħ Għawdxin li esprimew tħassib serju dwar in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol f’Għawdex. Huma sostnew li l-ekonomija tal-gżira hi wisq dipendenti fuq it-turizmu, u li dan iħalli impatt fuq il-futur tagħhom.
Alex Borg wieġeb li Għawdex hu prijorità assoluta għall-PN. Il-Kap irrefera għall-ħidma tiegħi favur Għawdex u l-konnettività fejn tlabt rapport dettaljat lill-Parlament Ewropew dwar il-fondi Ewropej disponibbli għal Għawdex.
Bis-saħħa ta’ dan ir-rapport, li identifika erba’ modi differenti kif Malta tista’ takkwista fondi Ewropej għal vapuri ġodda għal Għawdex, il-Partit Nazzjonalista għandu pjan konkret biex jintużaw fondi Ewropej għal titjib sostanzjali fil-konnettività bejn Għawdex u Malta, fosthom introduzzjoni ta’ vapuri ġodda u investiment fl-infrastruttura portwarja.
Il-proposta tar-“raba’ vapur”
Waqt konferenza speċjali bit-tema “Vapuri Ġodda għal Għawdex” li saret f’Għawdex stess f’Marzu li għadda, konna spjegajna kif din is-sena stess Malta tista’ tapplika għal fondi Ewropej biex jiżdied vapur ieħor mal-flotta tal-Gozo Channel. Dan ir-“raba’ vapur” jista’ jiġi ffinanzjat primarjament mill-European Climate Fund u minn programmi oħra Ewropej li jappoġġaw il-konnettività sostenibbli.
Il-konferenza, li fiha kien hemm ukoll skambju ta’ esperjenzi ma’ gżejjer oħra Ewropej bħall-Baleariċi u Sqallija, uriet li l-investiment fil-konnettività marittima jista’ jkun mutur ta’ tkabbir ekonomiku u soċjali sostenibbli.
Aħna tal-PN nemmnu li l-vapuri ġodda għandhom ikunu moderni, effiċjenti u ambjentalment nodfa, biex inaqqsu l-emissjonijiet u joffru servizz aktar affidabbli għall-passiġġieri.
Nemmnu b’saħħa wkoll li bħala parti mill-viżjoni fit-tul, l-infrastruttura tal-portijiet trid tkun imsaħħa u rfinata, b’servizzi kontinwi u sistemi ta’ trasport intermodali li jorbtuna aħjar ma’ Malta.
Investimenti f’diversi setturi ekonomiċi ġodda
Iż-żgħażagħ Għawdxin fi Pjazza Tritoni nsistew mal-Kap Alex Borg li għandhom bżonn futur li jmur lil hinn mit-turizmu fis-sajf, u li konnettività aħjar tista’ tiftaħ il-bibien għal aktar opportunitajiet ta’ xogħol, studju u negozju.
Servizzi ta’ vapuri aktar spissi u b’aktar flessibbiltà jippermettu lill-istudenti u l-ħaddiema jivvjaġġaw mingħajr ma jkollhom jadattaw ħajjithom mal-istaġun turistiku biss.
Sejħa għall-azzjoni
Il-Partit Nazzjonalista, bl-ewwel Kap Għawdxi fl-istorja ta’ Malta, impenjat li jara li dawn il-proposti għandhom isiru realtà u mhux jibqgħu biss fuq il-karta.
Mhux biżżejjed li nitkellmu fuq l-isfidi ta’ Għawdex. Hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata, serja u trasparenti biex insolvuhom. Fuq kollox hemm f’ġieħ il-futur tal-Għawdxin infushom irridu niffukaw fuq is-soluzzjonijiet u niċħdu immedjatament il-‘quick fixes’ ta’ malajr tal-politika li tara biss sal-pont ta’ mneħirna, bħalma hija l-għażla tal-Gvern preżenti li jibqa’ jserraħ fuq il-vapur Nicolaus li qed jiswa sa €14,000 kuljum u jonqos milli jinvesti fuq alternattiva fit-tul għal vapuri ġodda għal Għawdex.
Torrijiet f’Għawdex? Bżar fl-għajnejn
Il-Gvern preżenti jaf tajjeb li m’għandu l-ebda viżjoni għal Għawdex u għalhekk jibża’ minn Partit Nazzjonalista ffukat u determinat fuq Għawdex.
Huwa proprju għalhekk li peress ma jistax jirbaħ il-kompetizzjoni tal-ideat, ikun kostrett jigdeb u jxerred ħmerijiet bħalma kienet il-gidba vvintata li Alex Borg irid jibni t-torrijiet f’Għawdex.
F’intervista reċenti l-Kap Alex Borg qal li hemm bżonn Skyline policy li jkollha prinċipju ġenerali li l-iżvilupp ma jsirx bl-addoċċ. Mistoqsi fuq Għawdex, Alex Borg qal li dan jgħodd għal Għawdex ukoll.
Il-Partit Laburista, li qed jixtarr kull kelma ta’ Alex Borg, dlonk ħareġ li l-Partit Nazzjonalista irid it-torrijiet f’Għawdex. Dan ma qalu imkien Alex Borg.
Aħna rridu nipproteġu l-karatteristiċi ta’ Għawdex u noħolqu x-xogħol u l-ġid f’Għawdex bażat fuq l-identità sabiħa Għawdxija. Dan il-PN ilu jibni fuqu mill-kunċett ta’ eco-gozo.
Imma l-aktar ħaġa li laqtitni f’din il-kwistjoni kienet kif kien il-perċimes tal-politika attwali ta’ żvilupp sfrenat f’Għawdex li qed ipoġġi tant nies taħt ansjetà u pressjoni li kien l-ewwel li tniffes biex jakkuża lill-PN li jrid it-torrijiet.
Il-Ministru Clint Camilleri responsabbli mill-ippjanar u li huwa l-artefiċi ta’ tant żvilupp bla rażan f’Għawdex, irid jakkuża lil ħaddieħor dwar l-iżvilupp eċċessiv.
Aħna nibqgħu iffukati
Dan jurina kemm il-Labour ser ikun lest għal kollox biex jipprova jwaqqaf it-tkabbir u l-focus tal-PN biex ikun Gvern serju u alternattiv li għandu bżonn pajjiżna.
Aħna min-naħa tagħna għandna riċetta sempliċi – inżommu qrib in-nies il-ħin kollu – u nibqgħu iffukati fuq it-triq tagħna – it-triq li twassal għal ġid tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 28 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>