Fil-ħajja politika, jekk il-passat mhuwiex magħruf, ma jiġix ikkunsidrat fil-preżent. Diversi kontinwament jaħsbu li l-istorja tibda minnhom
minn Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
- Diversi oħra jaħsbu li m’għandhomx bżonn jiffurmaw ruħhom fil-qari. Imma fil-verità, għalkemm mhux popolari fid-dinja attwali, xorta dan jibqa’ ċavetta għall-ħidma t-tajba. Saqajn sodi fil-mixja politika rilevanti.
Kif diversi jdaħħlu fin-nofs, fejn jaħsbu li jaqblilhom, lil Niccolò Machiavelli (1469-1567) f’Il Principe (1513) u jinsew ukoll li għandu dawk il-ħsibijiet marbuta mad-diskorsi dwar l-awtur storiku Ruman Livy, Discorsi sopra la prima deca di Tito Livio (1513-1519).
Fiż-żmien ir-Rinaxximent, li jibqa’ jimpressjonana huwa li ma kienx daqshekk fuq l-istess livell. Iktar enfasi mhux fuq l-arti imma fuq l-opri politiċi tal-antiki. Mhux biss, imma fl-għerf u l-qari tiegħu ta’ diversi, fosthom ta’ Francesco Petrarca (1304-1374) li ġie qablu u pprefera lil Ċiċerun għal Aristotli.
Imma wkoll fil-ħsieb espress minn dak li qrajt dwaru: “He shares in the new esteem for Rome but carries it to the point of preferring Rome to Greece and adopting the imperial Roman Republic, and not the Greek polis as his model.” (Huwa jaqbel mal-istima l-ġdida lejn Ruma imma jwassalha sal-punt li jippreferi lil Ruma għall-Greċja u jaddotta l-mudell imperjali tar-Repubblika Rumana u mhux dik tal-polis Griega bħala l-mudell tiegħu.)
X’mudell ta’ Stat
- Id-domanda tagħna fil-varjetà ta’ mudelli tiġi parti mill-proċess ta’ ħsieb ta’ lejn liema stat u soċjetà rridu nkomplu nimmiraw. Mhux faċli, biss fil-ħajja twila ta’ Ruma Repubblikana u Imperjali ħarġu diversi lezzjonijiet u li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħna.
Il-Greċja hija interessanti fil-fonti tal-għerf imma ma mexxietx id-dinja bħalma għamlu r-Rumani. Dwar dan qed naqra l-ktieb interessanti ta’ Marta Sordi (1925-2009) bit-titlu I Cristiani e l’Impero Romano (2011), li fih tirreferi għal ħidmet Imperaturi bħal Tiberju. Dak li Taċitu jikteb għalina li kien isolvi l-problemi b’“consiliis et astu”, b’għaqal u diplomazija.
Dak li l-kbir Tertulljanu (155-220 WK) jgħidilna li l-ewwel darba li l-Kristjaneżmu ġie dibattut fis-Senat Ruman kien mertu tiegħu. Lezzjonijiet passati li huma abbandunati fil-preżent.
Għaqal u diplomazija
- Ċertament dan kellu sehem fil-ħidma determinanti tar-Rumani ma’ nazzjonijiet oħra. Uża moħħok iktar milli l-forza sabiex issib ftehim u timxi ’l quddiem.
Linja ta’ ħsieb u metodoloġija li fid-demokrazija għandha tkun dik prinċipali. Sija fir-relazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll f’dawk nazzjonali tagħna.
Għad għandna wisq dożi ta’ forom strambi ta’ imperjaliżmi, daqqa ispirati minn Ruma u daqqa minn dak Ingliż. Żmienhom hawn ħalla xi għeruq li għadhom jidwu f’moħħ dawk li jridu jiddominaw, jew jaħsbu li għandhom xi dritt li jwettqu dan. Imma d-dinja trid timxi ’l quddiem. Trid tħares iktar lejn ir-relazzjonijiet umani fil-proċess ta’ progress uman li jibqa’ l-mira finali tagħna.
Integrazzjoni effettiva
- Dan iktar u iktar fil-bżonn li wieħed jagħraf li l-mudelli tal-Istat m’għandhomx jinsew l-iżviluppi li seħħew u jħarsu li jmorru lura. Id-demokrazija tirrikonoxxi lill-bniedem bħala dak determinanti u li l-Istat qiegħed għas-servizz tiegħu.
Inbniet soċjetà li qed tipprova tħares lejn mudell aqwa ta’ integrazzjoni. Fejn id-domanda politika kontinwa hija jekk iċ-ċittadin huwiex qiegħed iħossu hekk rispettat, fl-għarfien li hu miexi ’l quddiem.
F’soċjetà b’forom differenti ta’ neo-kapitaliżmu rridu f’dan naraw jekk il-persuna umana hijiex meħuda fil-kunsiderazzjoni li hija oġġett jew suġġett tad-dritt.
Ir-rispett uman huwa, u f’dan jibqa’ determinanti fil-futur tas-soċjetà tagħna.
F’dan aktar
- Proprju f’dan aktar irridu nħarsu li nassiguraw li ninqatgħu mill-prattiċi żbaljati tal-ġurnata biex nimxu b’għaqal, anzi aħjar, b’consiliis et astu biex iseħħ.
Inħarsu lejn il-passat tagħna biex nibnu fuqu sistema futura aqwa. Waħda li mhix marbuta mal-materjaliżmu imma mal-kunsiderazzjonijiet umani. L-isfida l-kbira u fl-għeruq hija proprja din.
Dik li nassiguraw soċjetà fejn il-valuri tas-sewwa jieħdu lura s-sopravvent.
Fejn huwa iktar ukoll importanti dak li ser inħallu għal ta’ warajna milli għal dak li ser inwettqu u nieħdu aħna.
Hemm bżonn mumenti ta’ riflessjoni maqtugħa minn kunsiderazzjonijiet qosra u aktar lejn viżjonijiet fit-tul.
L-Istat demokratiku tagħna tal-futur m’għandux f’dan jibqa’ dak li huwa żbaljat fil-preżent.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 28 ta’ Settembru, 2025.
//= $special ?>