Fil-Qorti tal-Maġistrati – raġel Ingliż ta’ 37 sena, James Millard, residenti x-Xagħra, ġie kkundannat għal sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta li kiser il-paċi pubblika u hedded kif ukoll assalta tliet uffiċjali tas-sigurtà.
Il-każ seħħ meta Millard, li kellu jkun qed jivvjaġġa lejn Sevilja fi Spanja, tniżżel minn fuq ajruplan minħabba li kien fis-sakra u qed jfixkel lill-passiġġieri l-oħra. Il-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Roxanne Tabone, ġew imsejħa biex jassistu u rriżulta li l-akkużat kien sar aggressiv lejn il-gwardjani tas-sigurtà, fejn anke pprova jattakkahom.
Fil-Qorti, Millard wieġeb ħati għall-akkużi li kiser l-ordnijiet leġittimi, li kien fis-sakra f’post pubbliku, li kiser il-paċi, kif ukoll li weġġa’ ħafif wieħed mill-gwardjani tas-sigurtà. Huwa ammetta li kien fis-sakra ħafna u mhux ta’ ġieħ għalih innifsu, iżda matul il-proċeduri wera koperazzjoni u skuża ruħu diversi drabi għall-imġiba tiegħu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, wissiet lill-akkużat li r-reati tiegħu kienu jġorru piena ta’ multa u sa sentejn ħabs, iżda fl-aħħar għażlet li tagħtih piena ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena. L-akkużat kien assistit mill-avukat ta’ għajnuna legali Sarah Vassallo Ciliberti.
//= $special ?>