Lokali

Skeda ġdida fuq TVM bi programmi ta’ diskussjoni mmexxija minn preżentaturi qrib il-Labour jew nies li jaħdmu bħala persons of trust

Hekk kif illum bdiet skeda ġdida fuq dak li suppost huwa l-istazzjon nazzjonali, il-PBS stess qed jikkonferma li huwa kollox minbarra stazzjon tal-poplu kollu.

Dan hekk kif ħafna mill-programmi ta’ diskussjoni fuq il-PBS se jmexxuhom preżentaturi li jew huma qrib tal-Partit Laburista, inkella jaħdmu bħala persuni ta’ fiduċja ma’ entitajiet pubbliċi tal-Gvern Laburista.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa minn Graziella Attard Previ, Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku.

Dan ikompli jinsulenta l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi li jistħoqqlu kontenut kritiku u oġġettiv fil-qasam tal-ġrajjiet kurrenti u ta’ diskussjoni politika fuq ix-xandir nazzjonali.

Ma jistax ikun li l-PBS jibqa’ jservi ta’ Super One 2, u dan hu l-mument li jkollna verament xandir pubbliku ħieles minn kull indħil u partiġjaniżmu sfrenat.

Il-Partit Nazzjonalista se jesiġi mal-Awtorità tax-Xandir biex fl-iskeda li se tibda – li possibilment hija dik li se twassal sal-elezzjoni ġenerali – ikun hemm rispett sħiħ lejn il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna u x-xandir pubbliku ma jkomplix jirrendi ruħu bħala noticeboard tal-Gvern Laburista.

Waqt li se jkun viġilanti, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jipparteċipa fuq TVM biex jiżgura li jkun it-tarka tal-poplu Malti u jaċċerta ruħu li l-Maltin u l-Għawdxin ikunu esposti għall-verità sħiħa.

Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed minn issa li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura x-xandir nazzjonali lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.