Basketball Sport

St. James Hospital Super Cup Irġiel- FINALI: Starlites jerbħu l-ewwel unur tal-istaġun

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites……………..101

Hibernians………..97

(26-21)(21-28)(30-18)(24-30)

Starlites żammew l-unur li rebħu għal dawn l-aħħar tliet staġuni meta fil-finali tas-Super Cup għal dan l-istaġun għelbu lil Hibernians 101-97 fi tmiem ta’ partita mill-isbaħ quddiem attendeza numeruża.

Il-logħba kienet waħda eċċitanti ħafna, u bidliet fil-vantaġġ għalkemm Starlites kienu fuq quddiem għal 29 minuta kontra t-8 ta’ Hibs. L-akbar vantaġġ fil-partita kien ta’ Starlites 78-67 fil-bidu tal-aħħar taqsima. Għal Hibs kien hemm id-debutt ta’ tliet players barranin Elijah Simmons, Deonte Jackson u Ayomide Ajiboye filwaqt li kellhom id-debutt ta’ Piotr Stelmach Eks Valletta. Starlites ukoll kellhom tibdil sostanzjali fl-iskwadra fejn fost l-oħrajn jispikka r-ritorn ta’ Alec Felice Pace flimkien mal-akkwisti tal-Maltin Awstraljani Travis Fee u Marcus Duffy. Magħhom jingħaqdu wkoll il-players Amerikani Jayden Iturmendi, Jackson Dale Threadgill u Musa Jallow.

Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn Starlites kellhom it-trippli minn Matthew Scerri u Iturmendi, però Hibs baqgħu dejjem viċin speċjalment bil-punti minn Ivan Demcesen u Ajiboye. Starlites irnexxilhom jagħmlu run ta’ seba’ punti mingħajr risposta biex marru 10 minn fuq 24-14. Iċ-champions irkupraw u b’punti minn Jackson u Simmons naqqsu d-distakk bin-nofs għal skor ta’ 26-21.

Hibs komplew tajjeb fil-bidu tat-tieni taqsima fejn punti minn Jackson poġġewhom fuq quddiem 29-28. Għal ħin twil iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin u trippla ta’ Jallow fis-sitt minuta poġġiet lil Starlites fuq quddiem 40-37. Simmons kien l-aktar perikoluż għall-Pawlisti li sal-mistrieħ dawru l-iskor favur tagħhom 47-49.

It-tielet taqsima kompliet bl-istess andament speċjalment fl-ewwel parti tagħha bi Starlites jieħdu vantaġġ bil-punti ta’ Fee b’Ajiboye jirrispondi għal Hibs. Hawn wasal mument importanti tal-partita meta Starlites għamlu run ta’ 11-2 mibdija minn Alec Felice Pace flimkien ma’ punti minn Fee u Threadgill. Stelmach waqqfilhom ir-run bi trippla fid-disa’ minuta però għal Starlites kien hemm risposta b’żewġ trippli ta’ Threadgill għal skor ta’ 77-67.

Fl-aħħar taqsima kien hemm risposta oħra minn Hibs fejn run ta’ 10-2 bejn Stelmach u Jackson rathom jaslu sa tliet punti ‘l bogħod 80-77. Il-punti komplew fuq iż-żewġ naħat però fis-sitt minuta, Hibs marru fuq quddiem bi trippli ta’ Jackson u Stelmach flimkien mal-punti ta’ Neil Cassar.

Starlites ma ċedewx u għamlu seba’ punti konsekuttivi fosthom trippla minn Threadgill u marru fuq quddiem 94-91. Hibs ippareġjaw bill-punti ta’ Simmons u Cassar u però sensiela ta’ free-throws minn Jallow u Fee taw vantaġġ ta’ sitt punti lil Starlites. Minkejja trippla oħra minn Jackson għal Hibs, free-throw ta’ Matthew Scerri għalaq il-partita favur Starlites fuq skor finali ta’ 101-97.

Fit-tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Starlites Ian Felice Pace.

Starlites: A. Felice Pace 18, K. Fabri, T. Fee 26, A. Aquilina, I. Felice Pace, M. Fabri, M. Duffy 1, M. Scerri 11, J. Iturmendi 6, J. Threadgill 22, M. Jallow 17.

Hibernians: N. Cassar 6, E. Simmons 14, A. Ajiboye 14, L. Attard, L. Farrugia, P. Stelmach 13, V. Kustudija, M. Gouder 2, D. Jackson 29, M. Attard 5, N. Buttigieg, I. Demcesen 14. Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Miguel De Flavia.