Sport Sport Ieħor

St. James Hospital Super Cup Nisa – FINALI: Bettson Depiro jerbħu l-ewwel unur tal-istaġun

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Bettson Depiro……….79

Starlites Naxxar………52

(22-18)(19-14)(15-16)(23-4)

Fill-finali tas-Super Cup femminili Bettson Depiro ħarġu rebbieħa b’riżultat ta’ 79-52, fejn iddominaw l-aħħar taqsima li rebħuha 24-4 u temmew kull tama ta’ Starlites f’din il-partita. Għal Depiro dan kien it-tieni suċċess konsekuttiv f’din il-kompetizzjoni u s-seba’ wieħed fl-istorja tagħhom.

Għal Depiro kien hemm ir-ritorn ta’ Sophie Abela wara staġun fi Spanja fejn huma kellhom ukoll l-akkwisti tal-Ispanjola Andrea Tollar Lopez u l-Amerikana Lovely Sonnier. Starlites ukoll kellhom tibdil sostanzjali fejn tilfu lil Sasha Lecuyer u Ylenia Bonett fost l-oħrajn, bi Christina Curmi issa tkun parti mit-tmexxija teknika. Għal dawn pattew l-akkwisti ta’ players bħall-Amerikana Georgia Haverlock flimkien ma’ Sabrina Abugrin, Becky Naudi u Julija Dabic.

Il-partita fetħet bi trippla fuq kull naħa minn Sonnier għal Depiro u Mikela Riolo għal Starlites. Depiro komplew bi break ta’ 10-2 b’aktar punti minn Sonnier flimkien ma’ Julia Borg Xerri u Joselle Borg Cardona. Starlites irkupraw permezz ta’ Michela Zammit Cordina u trippla ta’ Haverlock, però Depiro kellhom aktar trippli din id-darba minn Nicole Agius biex temmew l-ewwel sessjoni 22-18 minn fuq.

Fit-tieni sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa bi Starlites inaqqsu d-distakk għal basket wara trippla ta’ Philippa Riolo 30-28. Għal xi ħin id-distakk bejn iż-żewġ timijiet baqa’ ta’ basket iżda lejn tmiem is-sessjoni, Depiro għamlu seba’ punti mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu 9 punti minn fuq 41-32.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni, Starlites naqqsu d-distakk wara ħames punti konsekuttivi minn Haverlock u Dabic. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn Sonnier, però Starlites baqgħu viċin bi break qasir ta’ 6-2. Depiro għalqu s-sessjoni bl-aħħar żewġ baskets minn Sonnier u Abela għal skor ta’ 56-48.

L-aħħar taqsima kienet storja differenti hekk kif Depiro ħasdu lill-avversarji b’10 punti mingħajr risposta maqsuma bejn Abela, Sonnier u Borg Cardona. Kellhom jgħaddu kważi ħames minuti biex waslu l-ewwel punti ta’ Starlites permezz ta’ Haverlock iżda Depiro għamlu tmien punti oħra mingħajr risposta biex ħadu l-partita f’idejhom. Kien għad fadal ħin għal basket mid-debuttanta żagħżugħa Samira Deguara fid-debutt tagħha mal-kbar hekk kif Depiro ħarġu rebbieħa 79-52.

Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Depiro Claire Privitera fost il-ferħ tal-partitarji numerużi tagħhom.

Bettson Depiro: S. Abela 10, N. Agius 15, J Borg Xerri 5, J. Mallia, C. Privitera 4, A. Tollar Lopez 2, C. Fenech, N. Borg 3, L. Sonnier 29, S. Deguara 2, J. Borg Cardona 8, H. Farag 1.

Starlites Naxxar: M. Riolo 3, C. Cilia 2, P. Riolo 5, M. Zammit Cordina 3, S. Abugrin, M. Fenech 2, B. Naudi 8, G. Haverlock 20, F. Vella, K. Gatt, L. Zammit, J. Dabic 9.

Referees: Nestor Rincon, Andre Attard, Bernard Vassallo