L-aġenti tal-FBI, bħalissa, qed jinvestigaw x’wassal għal sparatura qattiela u attentat bin-nirien li seħħew nhar il-Ħadd fi Knisja tal-Mormoni, fl-Istat ta’ Michigan. Dan meta għadu mhux magħruf l-iskop tal-aggressur responsabbli.
L-attakk tal-Ħadd fuq il-Knisja (imfisser bħala wieħed ‘terribbli’ mill-President Amerikan, Donald Trump) issarraf f’tal-anqas ħames mejtin u tmienja midruba – b’numru ta’ persuni jkunu rappurtati nieqsa.
It-tfittxija għall-katavri fis-sit, intant, baqgħet għaddejja għal ħafna wara li s-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll.
Il-Pulizija f’Michigan ikkonfermaw li l-aggressur – raġel ta’ 40 sena, residenti ta’ Burton li spiċċa maqtul waqt konfront mal-uffiċjali tal-liġi – kien saq vettura mill-bibien prinċipali tal-Knisja dedikata lil Ġesù Kristu, fi Grand Blanc.
Ir-raġel, imbagħad, ħareġ u beda jispara azzarin awtomatiku lejn il-mijiet tad-devoti preżenti għal servizz reliġjuż.
L-attakk qed jissemma bħala ‘attentat vjolenti bi ħsieb speċifiku’ iżda l-veru mottiv baqa’ mhux stabbilit, bl-awtoritajiet, bħalissa, qegħdin jaħdmu fuq diversi teoriji.
Id-dettalji dwar il-konfront bejn l-aggressur u l-pulizija baqgħu konfliġġenti, iżda l-awtoritajiet f’Michigan, fl-aħħar sigħat, sostnew li r-raġel, identifikat bħala Thomas Jacob Stanford, kien qed jaġixxi mingħajr kompliċi.
L-awtoritajiet anki kkonfermaw li kien għadda l-periklu għall-pubbliku.
Mifhum, sadanittant, li n-nirien fil-knisja tqabbdu ‘apposta’ mill-aggressur, bl-FBI tibgħat madwar 100 aġent fuq is-sit biex ikomplu bl-inkjesta.
Il-komunità ta’ Grand Blanc tinsab lejn it-Tramuntana ta’ Detroit u z-zona fil-madwar tal-Knisja spiċċat evakwata temporanjament min-nies dritt wara li l-pulizija rnexxielhom jeliminaw lill-aggressur.
L-inċident qattiel kellu jseħħ waqt tmiem il-ġimgħa karatterizzat mill-vjolenza fl-Istati Uniti u fejn inzertaw numru ieħor ta’ mass shootings – f’dan il-każ, sparaturi rispettivi li fihom inqatlu erba’ persuni jew aktar.
//= $special ?>