Lokali

Tibda s-sena akkademika l-ġdida fl-ITS, l-Universitá u l-MCAST

L-Università, l-MCAST u l-ITS reġgħu ħadu l-ħajja dan hekk kif ingħatat bidu għal sena akkademika ġdida.

Kienu eluf l-istudenti Maltin u Għawdxin li t-Tnejn filgħodu reġgħu bdew ir-rutina tas-sena skolastika hekk kif ingħatat bidu għas-sena 2025-2026.

Fost ħafna skejjel, it-Tnejn filgħodu, anke fl-ITS bosta studenti bdew l-istudji tagħhom f’din l-industrija tant importanti.

Net News kien preżenti għall-ftuħ ta’ din is-sena, fejn kien spjegat li l-ITS rat id-dħul ta’ 400 student u studenta – numru rekord li daħlu propju din is-sena filwaqt li l-istitut qed jospità wkoll rekord ta’ studenti bħala total.

Kienu bosta l-istudenti li tkellmu magħna u li wrew ċar l-entużjażmu tagħhom li jerġgħu lura għar-rutina. Dan filwaqt li oħrajn spjegaw ukoll li din is-sena timmarka l-aħħar sena tagħhom qabel joħorġu fid-dinja tax-xogħol – ġurnata li ilhom jaħdmu għaliha snin twal.

L-Istitut tal-Istudji Turistiċi fetħet lura fl-1987 – grazzi għall-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista li dejjem kien jara futur fis-settur turistiku f’pajjiżna. Settur li jrendi l-flus lill-pajjiżna meta jattira turiżmu u turisti ta’ kwalità.

Dan l-istitut, joffri tagħlim u opportunitajiet lil dawk li jridu jikbru fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità f’pajjiżna.

L-ITS, tara eluf ta’ studenti, bl-opportunitajiet akkademiċi jibdew minn foundation level u jibqgħu tilgħin sa Masters degree.