Lokali Qorti

Akkużat li ta d-droga ecstacy u spiċċat biex mietet… il-każ riferut lill-Qorti tad-Drogi

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, semgħet il-każ ta’ Nelson Esteban Lopez Ceron, Kolombjan ta’ 29 sena residenti San Ġiljan, li wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kien fil-pussess ta’ ecstasy f’ċirkustanzi li ma kinux għall-użu personali tiegħu, li qassam jew traffika d-droga, u li wettaq ir-reat f’mitt metru minn post fejn jinġabru żgħażagħ.

Il-każ imur lura għat-3 ta’ Lulju 2022, meta żewġ nisa, Sandra Zamudio li kienet mart l-akkużat u Chrystal Mateiasevici, mietu wara li allegatament ħadu MDMA. Zamudio kienet ittieħdet l-Isptar Mater Dei fejn eventwalment tilfet ħajjitha.

Uffiċjal tal-Pulizija xehed li kien ra filmati tas-CCTV li juru lill-akkużat flimkien ma’ martu jidħlu u joħorġu minn Gianpula, u wkoll filmat fl-isptar li juri lil Zamudio fuq stretcher waqt li l-akkużat jidher fi stat ta’ paniku.

L-avukat tad-difiża Stefano Filletti sostna li dan il-każ ma kellux jitqies bħala każ ta’ traffikar imma bħala qsim ta’ droga bejn il-koppja. Huwa insista li l-akkużat diġà ħallas il-prezz l-aktar iebes billi tilef lil martu, u għalhekk il-proċeduri għandhom jitmexxew quddiem il-Qorti tad-Drogi bħala l-forum xieraq.

Il-Maġistrat Farrugia Frendo laqgħet din it-talba u ordnat li l-każ jiġi riferut lill-Qorti tad-Drogi.

Il-kawża ġiet differita għal Frar biex tkompli.