Il-mexxejja tal-Lvant Nofsani u anke dawk Ewropej laqgħu l-pjan għall-paċi li ressaq il-President Amerikan Donald Trump.
Fl-aħħar sigħat, rapporti internazzjonali spjegaw li l-mexxejja Donald Trump u l-President Izraeljan Benjamin Netanyahu qablu li l-Hamas jirrilaxxaw 20 ostaġġ Izraeljani u l-iġsma ta’ dawk mejta fi zmien 72 siegħa – bil patt u l-kundizzjoni li jingħataw lura numru ta’ Palestinjani arrestati mill-Izrael.
Jidher, li l-Hamas għadhom ma qablux ma’ dan il-pjan u kien proprju għalhekk li Donald Trump ħabbar li l-Izraeljani se jkunu appoġġjati mill-Istati Uniti sabiex “jeliminaw it-theddida tal-Hamas” jekk dawn tal-aħħar ma jaqblux ma’ dan il-pjan.
Minkejja dan, minn naħa tagħhom sa issa, il-Hamas spjegaw li se jkunu qed jevalwaw kull proposta li tista’ twassal għall-paċi f’Gaza – ġaladarba jaraw li dan il-pjan ikun jissalvagwardja l-Palestinjani.
Il-proposta
Il-proposta ta’ Trump, tibda b’waqfien immedjat ta’ operazzjonijiet militari. Bil-Hamas, ikollhom anke jeliminaw totalment il-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-armamenti.
Il-Hamas għandhom jirrilaxxaw 20 ostaġġ Izraeljan u anke l-iġsma ta’ dawk mejta fi żmien 72 siegħa.
Dan bil-patt u l-kundizzjoni li Izrael, jirrilaxxa l-katavri ta’ 15-il Palestinjan li għandu fil-pussess tiegħu.
Il-pjan għat-tmexxija ta’ Gaza
Skont il-pjan tal-Istati Uniti, it-tmexxija ta’ Gaza għandha tkun waħda teknokratika. Għandu jkun implimentat kumitat Palestinjan li jastjeni milli jinvolvi ruħu f’materji politiċi, b’mod temporanju fit-tmun tal-pajjiż.
Bl-irwol ta’ dan il-kumitat ikun wieħed li jħares lejn korp internazzjonali u transnazzjonali li se jkun imsejjaħ il-Bord tal-Paċi u li se jkun immexxi mill-President Amerikan Donald Trump.
Appoġġ internazzjonali
Kienu bosta l-mexxejja li appoġġjaw dan il-pjan ta’ paċi mill-Istati Uniti fosthom anke l-mexxejja tal-Arabja Sawdija, l-Eġittu, il-Ġordan, it-Turkija, l-Indoneżja, il-Pakistan u anke l-Emirati. Fi stqarrija konġunta spjegaw li huma laqgħu it-tmexxija ta’ Trump li ddiskrivew bħala ambizzjoni sinċiera sabiex tiġi fi tmiemha l-gwerra f’Gaza.
Fejn spjegaw ilkoll li issa, dan il-pjan għandu jiġi implimentat u jwasssal għal two state solution, fejn il-Palestina tiġi rikonoxxuta bħala stat separat mill-istat ta’ Izrael.
Kien ukoll il-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer li appella sabiex kull naħa tingħaqad u taħdem sabiex l-amministrazzjoni Amerikana tfassal dan il-pjan. Fejn anke appella lill-Hamas sabiex jaċċetta dan il-pjan.
Bil-President Franċiż Emmanuel Macron jiddikjara li pajjiżu huwa lest li jikkontribwixxi sabiex jiġu rilaxxati l-ostaġġi kollha u sabiex tintemm din il-gwerra. Fejn kienet anke l-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni li ddikjarat li dan il-proċess jista’ jkun punt kruċjali għat-tmiem tal-gwerra.
//= $special ?>