Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkundannat lil Daniel Otega, ċittadin Niġerjan, għal erba’ snin ħabs u multa ta’ €15,000 wara li ammetta li daħħal Malta erba’ kilogrammi ta’ cannabis grass li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Il-każ beda f’Ottubru tal-2022 quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, fejn l-akkużat li għandu 40 sena, kien ammetta l-imputazzjonijiet kontrih. L-Avukat Ġenerali kien ressaq rikors konġunt flimkien mal-imputat fejn intalbet il-piena li eventwalment ġiet imposta u maqbula bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża.
Otega kien arrestat wara li l-awtoritajiet tad-Dwana interċettaw pakkett suspettuż li kien fih id-droga u li ntbagħat lejn indirizz f’Santa Venera. Il-pulizija wettqu “controlled delivery” li wasslet għall-arrest tiegħu. Huwa kien ta’ kollaborazzjoni mal-investigaturi u minn operazzjoni oħra simili ġew arrestati wkoll żewġ persuni oħra: Yusif Saeed, Niġerjan li jgħix il-Mosta, u Saabir Ahmed Said, li huwa Somalu.
Fil-bidu, Otega kien wieġeb mhux ħati iżda f’Lulju ta’ din is-sena ammetta r-reati kontrih. Il-Qorti, filwaqt li nnotat li ma kellux fedina penali, saħqet fuq is-serjetà tal-importazzjoni ta’ droga u imponiet priġunerija effettiva flimkien mal-multa.
Barra minn hekk, ordnat li l-assi tiegħu jiġu kkonfiskati favur il-Gvern u li jħallas €9,384.40 bħala parti mill-ispejjeż tal-esperti u dan fi żmien sentejn, inkella dawn jikkonvertu f’ħabs addizzjonali.
Ġiet ordnata wkoll id-distruzzjoni tad-droga u l-affarijiet relatati kif ukoll il-konfiska tal-assi tiegħu favur il-Gvern ta’ Malta.
//= $special ?>