F’seduta qasira, il-Maġistrat Gabriella Vella semgħet żewġ xhieda oħra fil-każ li jinvolvi lill-Eks Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Sigmund Mifsud. Sigmund Mifsud, li qed jaffaċċja akkużi serji kriminali relatati ma’ intimidazzjoni, abbuż ta’ poter u ostakolu għall-ġustizzja f’każ ta’ fastidju sesswali li seħħ fi ħdan l-istess orkestra fejn persuna diġà ngħatat is-sentenza.
Franco Camilleri, mużiċist fl-Orkestra Nazzjonali mill-2006, xehed dwar raġel ta’ 31 sena minn Għawdex li ammetta li ffastidja sesswalment membru tal-Orkestra Nazzjonali. Camilleri spjega li kien ħabib kemm tal-uffiċjal li ammetta kif ukoll tal-vittma, u li ġieli ħarġu jieklu flimkien. Sostna li l-atteġġjament bejniethom kien “normali,” mingħajr xejn suspettuż.
Reuben Sammut, Maniġer tar-riżorsi umani tal-Orkestra Nazzjonali, xehed li kien intalab jixhed quddiem bord fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru magħmul minn tliet persuni. Tenna li l-investigazzjoni tal-bord dwar l-uffiċjal ma waslitx għas-sentenza finali.
F’seduta preċedenti Mifsud kien ammetta li żbalja iżda mkien ma qal biex l-akkużat fuq fastidju sesswali jigdeb. Mifsud qal ukoll li l-midja tat x’tifhem li hu kien l-akkużat u b’hekk tkellem ma’ dawk responsabbli biex joħorġu l-fatti dwar dan il-każ.
Mistoqsi għalfejn ħass li minflok iddistakka ruħu mill-akkużat u minflok tkellem miegħu biex ikun hemm verżjoni waħda, Mifsud wieġeb li huwa ma ndaħal fl-ebda investigazzjoni. Huwa qal li żbalja li ma mexiex mal-pariri mogħti mill-avukat tal-Orkestra, iżda dak iż-żmien emmen li l-akkużat m’għamel xejn ħażin.
Mifsud qal li l-Pulizija qatt ma bagħtu għalih biex jisimgħu l-verżjoni tiegħu iżda bagħtu għalih biss biex jarrestawh.
Il-Qorti qalet li l-każ se jkompli fil-11 ta’ Novembru fis-12.45pm. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetur Kevin Pulis u Gabriel Micallef filwaqt li għall-Eks Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali qed jidhru l-Avukati Edward Gatt, Mark Vassallo u Shawn Zammit.
//= $special ?>